Il-kunċert “B’Ħarsa ta’ Mħabba” fetaħ iċ-Ċelebrazzjonijiet għall-festa ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem, u fl-istess ħin iċċelebra l-100 Anniversarju tal-istatwa titulari ta’ Sant’Anton li saret fl-1923.
Dan il-kunċert kien id-debutt tal-Orkestra Reġjonali ta’ Għawdex, taħt id-direzzjoni ta’ Michel Angelo Muscat.
Mal-orkestra ingħaqdu l-Kor Michel Angelo & Friends u numru ta’ solisti, fosthom il-Baritonu Louis Andrew Cassar, is-Soprani Maria Cassar, Marita Vella u l-Mezzo-Sopran Hilda Grima.
F’dan il-kunċert sar il-premier ta’ tliet siltiet. Tnejn minnhom huma O Salutaris Hostia u Antifona “O Proles Hispanie” ta’ Anthony Galea, li huwa l-assistent surmast tal-Każin tal-Banda San Ġużepp, Għajnsielem. Ma dawn hemm is-Sinfonija Nru 1, komposta mid-direttur innifsu.
Waqt il-kunċert indaqqet mill-ġdid il-Marcia f’Si Bemolle Maggiore ta’ Carlo Diacono u l-Intermezzo – Preghiera d’un Angelo ta’ Ferdinando Camilleri, li kien ilhom ma jindaqqu mis-smiegħ inizjali tagħhom fil-bidu tas-Seklu 20.
L-Andante Religioso ta’ Giuseppe Camilleri, iben Ferdinando Camilleri wkoll irċieva l-premiere Għawdxija tiegħu waqt dan il-kunċert.
Barra minn hekk, l-udjenza setgħet tgawdi s-Salve Regina u l-Ave Maria tal-kompożitur Malti kontemporanju Joseph Galea u biċċiet korali oħra maħbubin bħal Jesu Joy ta’ Bach, Ave Verum ta’ Wolfgang Amadeus Mozart u Gloria ta’ Vivaldi.