Is-sajf jinsab magħna u l-istaġun tal-festi qiegħed fl-aqwa tiegħu.
Wara sentejn ta’ pandemija, l-ibliet u l-irħula Maltin reġgħu qed jilbsu l-libsa tal-festa bl-armar, bil-baned, u bis-soċjalizzazzjoni mingħajr ebda restrizzjonijiet jiddominaw il-ġimgħa tal-festa.
F’Ħal-Qormi nsibu lil Pawlu Sammut li flimkien ma’ sħabu, kien qiegħed jipprepara l-aħħar irtokki fuq l-armar tal-festa ta’ San Ġorġ Martri.
Huwa qasam magħna l-esperjenza ta’ kif, matul dawn is-sentejn, il-Gvern kien ta’ spalla għal diversi għaqdiet u każini li jagħmlu l-festa Maltija dik li hi.
Sammut stqarr, “L-għajnuna kienet manna, bħal manna nieżla mis-sema. Dan għaliex l-attivitajiet ma sarux. Id-dħul ma żdiedx. Aħna, terġa’ u tgħid għandna spejjeż kurrenti li jeħtieġ li jsiru.”
Pawlu Sammut spjega li, f’dawn l-aħħar sentejn, bl-għajnuna ta’ fondi li qassam il-Gvern fiż-żmien il-pandemija, il-Kumitat baqa’ jinvesti bis-sħiħ fit-taħriġ tas-snajja’ sabiex b’hekk, fis-siegħa tal-prova, jaħsdu dak kollu li kienu żergħu.
Ix-xogħol u r-restawr li sar fuq il-palk principali ta’ Pinto u l-arka huma eżempju ta’ dan.
Waqt il-pandemija tal-Covid-19, inbeda r-restawr fuq dan il-palk wara tant snin.
Dan il-palk intrama fuq il-Fosos tal-Furjana, biex fuqu ġiet inkurunata x-xbieha tal-Madonna tas-Saħħa tar-Rabat.
Dan l-avveniment huwa mfakkar bi plakka tar-ramm li ngħatat lill-Kumitat Festi Esterni u tpoġġiet mal-faċċata tal-istess palk sabiex tibqa’ mfakkra din il-ġrajja.
Pawlu Sammut qal li diversi membri żgħażagħ u anzjani ħadmu spalla ma’ spalla sabiex dawn iż-żewġ proġetti jitlestew f’qasir żmien.
Hu stqarr, “Kellna ħidma f’tim: kien hemm minn huwa kapaċi fuq l-irħamar, kien hemm minn hu kapaċi fl-induratura, kien hemm min ħadem fuq l-ixkatlar u ż-żebgħa, kien hemm minn kien fuq id-dwal.”