F’nofs pandemija, għal darba oħra l-Partit Nazzjonalista għamel maratona ġbir ta’ fondi, it-tielet waħda f’erba’ xhur.
Din il-maratona ta’ fondi saret ukoll fi sfond li ftit tal-ġimgħat ilu l-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo qal li d-dejn tal-Partit Nazzjonalista huwa ta’ għoxrin miljun ewro.
Waqt intervisti riċenti, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iġġustifika d-dejn tal-partit billi qal kif kulħadd ikollu d-dejn.
Qal, “Kull min jixtri dar jew aħjar il-kwantità ta’ nies li jixtru dar ikollhom id-dejn mela aħna meta xi ħadd ikollu d-dejn, kif għandi d-dejn jiena, għax għadni nħallas id-dar tiegħi, ħadd ma joqgħod jgħajjarni li għandi d-dejn.”
F’din il-maratona ġbir ta’ fondi spikkat ukoll il-preżenza tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li riċentament il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, fuq talba tal-Kap Bernard Grech irtira kull ħsieb li kien hemm biex jibdew proċeduri kontra Simon Busuttil wara l-gidba Egrant.
Fil-fatt Busuttil kien irringrazzja lil Grech tal-ġest li għamel miegħu.
Intant f’din il-maratona spikka wkoll in-nuqqas tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia.
Is-sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali qalu li l-maratona tal-Ħadd kienet waħda imqanżħa u ttellgħet ta’ malajr.
Is-somma miġbura fl-istess żmien, tliet snin ilu, fl-ewwel Marzu tal-Kap ta’ dak iż-żmien Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista kien ġabar tletin elf ewro iżjed mill-ewwel maratona ta’ Marzu ta’ Bernard Grech.
Din tkompli max-xejra negattiva ta’ Bernard Grech waqt maratona ġbir ta’ fondi, hekk kif fl-ewwel maratona ġbir ta’ fondi tiegħu, ġabar tmenin elf ewro inqas minn kemm inġabru mis-sena ta’ qabel, taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
Waqt din il-maratona li saret il-Ħadd, bdiet tiġi rkantata pittura b’wiċċ Bernard Grech għal disa’ mitt ewro.
Dan apparti li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jilmenta għax it-telefons ma bdewx idoqqu.