Min jgħajjat biex ibiegħ xi ħuta, min jiżen il-vongole u min iqatta’ t-tonn frisk.
Il-Ħadd fiż-Żurrieq kien hemm fil-veru sens tal-kelma festa ħut.
Apparti li spikkaw il-bejjiegħa tal-ħut, bin-nies jixtru dak li qabdu s-sajjieda, kien hemm min għal ħabta ta’ nofsinhar kiel platt għaġin immarinat bil-ħut jew xi gambli li niżlulu għasel f’ġurnata sabiħa f’dan ir-raħal pittoresk.
Staqsejna bejjiegħa tal-ħut dwar liema ħut qed ifittex il-konsumatur hekk kif ħa jibda l-istaġun sajfi.
Josette Schembri spjegat kif “Illum fittxew ħafna l-ħut tal-aljotta u t-tonn għax iżjed qisu ġew għat-tonn hawnhekk għaż-Żurrieq. U ftit minn kollox hux.”
F’din il-festa li għaliha jagħti sostenn qawwi l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq spikka wkoll in-numru ta’ persuni li jħobbu l-ħut u għomorhom u żmienhom fuq il-baħar.
Alfred Cutajar, li wieħed u għoxrin sena ilu qabad kelb il-baħar, irrakuntalna l-esperjenza li qatt ma jneħħi minn moħħu.
Spjega kif “Għandi s-sinna tiegħu ż-żgħira ta’ great white shark. Qbadtu fl-1987, fis-sbatax t’April. Qbadtu nofs siegħa ‘l barra qrib Filfla u domt dieħel bih erba’ sigħat u nofs.”
Ta’ sajjied Żurrieqi, b’esperjenza kbira fuq il-baħar, Alfred qalilna kif fis-sajd jeżistu kuntrasti kbar.
Cutajar qal “Tkun qed tistad għal xi ħuta tista’ taqbadha żgħira jew kbira imma nzertajt qbadt il-kbira, bis-sunnara qbadtha.”