L-Erbgħa filgħaxija sar l-unika dibattitu bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-kandidat tal-lemin estrem Marine Le Pen għat-tieni rawnd tal-elezzjoni Presidenzjali fi Franza nhar il-Ħadd li ġej.
Dan id-dibattitu televiż ta’ sagħtejn u nofs kien wieħed missielet ħafna bejn iż-żewġ kandidati.
Waqt dan id-dibattitu, hekk kif iż-żewġ kandidati kienu qed jitkellmu dwar il-gwerra fl-Ukrajna, il-President Franċiż Emmanuel Macron akkuża lil Le Pen li hija dipendenti fuq il-President Russu Vladimir Putin, hekk kif il-partit tagħha ħa self minn bank Russu viċin il-Kremlin. Intqal kif fl-2014, il-partit ta’ Le Pen ħa self ta’ €9 miljun mill-bank Russu.
Qal, “You depend on the Russian power, you depend on Mr Putin. A few months after saying that Madam Le Pen, you took out a loan from a Russian bank in 2015, first Czech Russian bank.”
Macron allega kif meta Le Pen titkellem ma’ Putin, hija tkun qed titkellem mal-bankier tagħha. Hawnhekk Le Pen qalet kif hija kellha tagħmel hekk, minħabba li l-ebda bank Franċiż ma kien se jsellifha l-flus u qalet li hija mara indipendenti.
Qalet, “I am a completely free and independent woman.”
F’dan id-dibattitu, Macron qal kif jekk nhar il-Ħadd, Le Pen tirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali, Franza toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Waqt li Le Pen qalet kif hija se tagħti l-flus lura lil dawk li taħt il-Presidenza ta’ Macron spiċċaw b’inqas flus fil-but.
Marine Le Pen qalet kif kif 70% tal-Franċiżi jemmnu li l-kwalità tal-ħajja naqqset matul l-aħħar ħames snin u qalet li jekk tingħata l-fiduċja tal-elettorat, il-prijorità tagħha se jkun pajjiżha.
Matul dan id-dibattitu, Macron qal kif Franza riċentament għaddiet minn kriżi bla preċedent, hekk kif wara l-pandemija tal-Covid-19, hemm gwerra fl-Ewropa. Huwa qal kif taħtu Franza se tgħaddi minn dawn l-isfidi u qal kif il-vot tal-Ħadd huwa referendum fuq l-Ewropa u anki dwar it-triq ’il quddiem.
Dwar il-bidla fil-klima, il-President Franċiż akkuża lil Le Pen li hija xettika dwar dan is-suġġett. Il-kandidat tal-lemin estrem qalet kif il-globalizzazzjoni wassal għat-tibdil fil-klima. Iż-żewġ kandidati qablu li jkun hemm iżjed power stations nukleari.
Marine Le Pen qalet kif jekk tkun President hi, tagħmel referendum dwar min għandu jibqa’ u jitlaq minn Franza, dwar l-immigrazzjoni. Hija qalet ukoll kif se tipprojbixxi l-ilbies tal-hijab. Hawnhekk Macron qal kif il-politika ta’ Le Pen qed tħawwad mal-Iżlam ma’ dawk estremisti u ntqal kif dan se jwassal għal gwerra ċivili.
Skont l-opinjoni pubblika wara dan id-dibattitu, il-President Franċiż Emmanuel Macron kien l-aktar konvinċenti. Dan hekk kif kważi 60% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li Macron ikkonvinċa aktar.