Kważi ntemmet il-kampanja għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, baqgħet taħrab milli tiddibatti.
Li din kienet deċiżjoni tat-tim tal-kampanja tagħha kkonfermatu Rachel Attard, li organizzat id-dibattiti f’isem il-Kamra tal-Kummerċ it-Tlieta filgħodu.
F’isem il-Partit Laburista kien qed jiddibatti l-kandidat Steve Ellul li nnota kif fil-binja tal-Kamra tal-Kummerċ kien hemm Roberta Metsola li, għal darb’oħra, għażlet li ma tiddibattix. Dan minkejja li kienet fil-bini.
STEVE ELLUL: “Kull darba li stedintuni ġejt. Xtaqt niddibatti ma’ Roberta Metsola, ma nafx stedintuhiex intom?
PREŻENTATRIĊI: “Ġejja warajk.”
STEVE ELLUL: “Nista’ niddibatti magħha jiġifieri? Se tkun waħedha?”
PREŻENTATRIĊI: “Hi deċiżjoni li l-kabinett tagħha ħa. Mhix deċiżjoni tal-Kamra tal-Kummerċ.”
Din mhux l-ewwel darba li kien ikkonfermat li Metsola għażlet li ma tkunx f’dibattitu ma’ kandidati bħalha. Fl-Università ta’ Malta kienu l-organizzaturi tal-istess dibattitu li wkoll ikkonfermaw li t-tim ta’ Metsola qalilhom li hi ma tiddibattix.
DANIEL ATTARD: “Tikkonfermaw li għamiltu stedina lil Roberta Metsola u tibqa’ tirrifjuta li tiddibatti?”
JEREMY MIFSUD BONNICI: “Iva.”
U kien hemm numru ta’ stediniet biex Roberta Metsola tiddibatti ma’ Alex Agius Saliba, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista. Stediniet li Agius Saliba kkonferma, iżda hi rrifjutat.
Din id-darba marret pass oltre. Għax kienet fl-istess bini fejn kien qed isir id-dibattitu u għażlet li titkellem biss waħedha mingħajr ma jmeriha ħadd.
“Jumejn qabel l-elezzjoni u Roberta Metsola qiegħda hawn f’din il-building hawnhekk u ma nistax niddibatti magħha.”
Il-kandidat Laburista Steve Ellul