L-intervista li ta Simon Busuttil fuq ix-xandir nazzjonali l-Erbgħa filgħaxija ma kinitx hemm biss biex tkompli twassal il-messaġġ tal-establishment Nazzjonalista biex din tkompli tiddetta lil Bernard Grech iżda l-fazzjoni l-oħra, ta’ Adrian Delia, anki jekk tilfet is-saħħa, waslet messaġġ kontra Simon Busuttil.
L-Erbgħa filgħaxija, Simon Busuttil mhux biss qal li l-Gvern, bl-akbar mandat elettorali fl-istorja mill-indipendenza ’l hawn għandu jirriżenja iżda kompla wkoll mal-messaġġ li kien għamel qabel, li fl-2017, il-Partit Laburista rebaħ elezzjoni mbagħbsa.
Simon Busuttil spiċċa qal li l-Partit Laburista xtara l-voti billi ta x-xogħol lin-nies.
Busuttil qal, “Inti trid tikkompetti ma’ xi ħadd fil-Gvern li qed jixtri l-voti bl-addoċċ bil-jobs b’li jagħti, bil-promotions li jagħti.”
Għal din id-dikjarazzjoni rreaġixxa l-preżentatur li fakkru x’kien għamel il-Gvern ta’ GonziPN għamel niżel mill-Gvern.
Il-preżentatur qal, “U mhux anki fi żmien il-PN, Dr Busuttil, kienu jingħataw il-jobs u joħorġu l-permessi u jsir il-ġiri għall-voti.”
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li ta’ Delia, li mhux joqogħdu pass lura milli juru fehemithom fuq x’qed jagħmel Bernard Grech u l-fazzjoni ta’ Busuttil li tmexxih, sostnew li l-kummenti ta’ Simon Busuttil waslu biex dan waqqa’ l-ġebla fuq saqajn il-Partit Nazzjonalista stess.
Ta’ Delia fakkru lil Simon Busuttil f’dak li kien ħareġ fil-beraħ fi żmien li Busuttil stess l-ewwel kien id-delegat speċjali ta’ Gonzi imbagħad meta twarrab Tonio Borg, hu kien Viċi Kap.
“Nesa x’kien ħareġ fuqna, bl-emails ta’ Ray Bezzina?”, saħaq wieħed minn dawk li ma felaħx ma jgħidx lil ta’ Busuttil biex iqisu kliemhom qabel ifattruha.
Dan anki b’referenza li l-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, li kien Ministru għall-Ambjent, inħarġulu pataflun emails li jixhdu ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv lejlet l-elezzjoni tal-2013.
Il-Maltatoday kienet żvelat aktar minn sittin paġna ta’ emails, li fih juru li l-indħil dirett li kien hemm mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Ministri fil-Kabinett tiegħu u uffiċjali tal-Gvern biex jimlew il-Wasteserv bil-kostitwenti tagħhom.
L-emails imorru lura bejn l-2009 u lejlet l-elezzjoni ġenerali tal-2013 u jikxfu iswed fuq l-abjad l-indħil dirett tal-eks Ministri, deputati u kandidati Nazzjonalisti u magħhom uffiċjali tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi biex jagħtu impjieg b’mod dirett lill-votanti Nazzjonalisti fil-Wasteserv.
L-emails juru biċ-ċar li ma kienet teżisti l-ebda distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista, b’deputati Nazzjonalisti li llum jitkellmu ħafna dwar governanza tajba u trasparenza, jużaw l-email personali tagħhom minflok tal-Gvern biex idaħħlu lin-nies tagħhom fil-Wasteserv.
F’email minnhom Ray Bezzina kien kiteb li hemm erba’ persuni li huma ta’ prijorità li jiddaħħlu fuq talba minn Kastilja fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Saħaq li ġennewh fuqhom, taħt email ta’ Monica Mizzi, l-eks segretarju privat ta’ Gonzi.
F’email oħra, Bezzina jsemmi żewġ persuni oħra biex jiddaħħlu jaħdmu.
Saħansitra f’email separata, Ray Bezzina, li issa qed jieħu d-deċiżjonijiet għal Bernard Grech, kiteb lil Vincent Magri, dak iż-żmien Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv u qallu li d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kien kellmek dwar persuna oħra.
F’email oħra żvelata, Ray Bezzina jikteb biex jieħdulu ħsieb persuna oħra li bagħat id-dettalji fuqha u jgħid li din ta’ Edgar, b’referenza għal Edgar Galea Curmi, li kien iċ-chief of staff tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Quddiem dan kollu, ta’ Delia qalu li d-diskors tal-Erbgħa filgħaxija, Simon Busuttil ma kellux xi jridu għax propju fakkar x’kien jagħmel Gvern Nazzjonalista lejlet elezzjoni.
Intqal kif Bernard Grech ftit li xejn jista’ jwiddeb lil Simon Busuttil fuq dan għaliex l-uffiċċju tiegħu jmexxijulu propju Ray Bezzina.
Fil-fatt ftit tax-xhur ilu, Bernard Grech spiċċa jfaħħar lir-Ray Bezzina, li hu magħruf bħala l-persuna involuta f’ingaġġ skandaluż ta’ nies minn Gvern Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ġenerali.
Grech qal, “Ray Bezzina huwa wieħed mill-persuni kapaċi li jiena fdajt li jkunu qed jgħinuni fl-uffiċċju. Ħadd ma naqtgħulu rasu minn qabel għaliex xi darba jew oħra f’ħajtu jidhirlu li għandu opinjoni hemm barra.”