Wara li l-midja internazzjonali rrapportat li dalgħodu kien hemm waqfien mill-ġlied fin-Nofsinhar tal-Istrixxa ta’ Gaza, bi qbil bejn l-Istati Uniti, Iżrael u l-Eġittu, il-BBC issa qed jirrapporta li kemm Iżrael kif ukoll il-Hamas ċaħdu li kien hemm tali ftehim.
Aktar kmieni dalgħodu, Reuters irrapportaw li ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fir-reġjun daħal fis-seħħ fis-sebgħa ta’ filgħodu, ħin ta’ Malta.
L-Amerikani qed jantiċipaw li l-qsim ta’ refuġjati Palestinjani bejn il-fruntiera mal-Eġittu, imsejjaħ bħala Rafah, se jibqa’ wieħed fluwidu.
Il-BBC ikkwota sorsi fil-Gvern ta’ Benjamin Netanyahu u dawk fil-grupp Hamas, li jikkontrolla t-territorju ta’ Gaza, li ma kien hemm l-ebda ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.
Iżrael qed iwissi liċ-ċittadini tal-Istrixxa ta’ Gaza biex jitilqu minnufih miż-żona ta’ gwerra u jinżlu lejn in-Nofsinhar fejn jinsab il-passaġġ mal-Eġittu. Eluf dehru jaħarbu b’ta’ fuqhom senduqhom fil-jiem li għaddew.
Iżrael qed jippjana li jinvadi Gaza bil-forzi kollu tiegħu, waqt li wiegħed li joqtol kull membru tal-grupp militanti li fis-7 t’Ottubru assalta partijiet ta’ Iżrael u qatel għadd ta’ persuni.