L-awtur Walid Nabhan, kittieb li twieled il-Ġordan f’familja ta’ refuġjati Palestinjani u li ilu ħafna snin jgħix Malta, tant li kiseb iċ-ċittadinanza Maltija, hu fost tnax-il kittieb u kittieba li rebaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura għall-2017.
Dan jitqies bħala premju prestiġjuż li kull sena jingħata lil tnax-il kittieb jew kittieba mill-Ewropa b’rikonoxximent tal-produzzjoni letterarja tagħhom fl-aħħar ftit snin. Bħalma jiġri darba kull tliet snin din is-sena kien imiss lil Malta tagħżel wieħed mir-rebbieħa minn fost il-kittieba Maltin. L-għażla waqgħet fuq l-awtur Walid Nabhan. Nabhan jikteb bil-Malti u ppubblika żewġ ġabriet ta’ novelli, ktieb ta’ poeżiji u r-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji li għalih ingħata dan il-premju. Walid Nabhan qaleb ukoll diversi xogħlijiet letterarji kontemporanji Maltin għall-Għarbi.
L-Eżodu taċ-Ċikonji huwa rumanz dwar raġel Palestinjan imwieled f’kamp tar-refuġjati fil-Ġordan li sab ruħu jgħix Malta. In-narratur jinseġ ir-rakkont tiegħu madwar l-esperjenzi tiegħu ta’ barrani f’Malta u ta’ refuġjat f’komunità kbira ta’ Palestinjani fil-Ġordan, imma jdaħħal ukoll l-istorja tal-familja tiegħu fil-perjodu meta kienet għadha tgħix fil-Palestina.
F’Malta, dan il-premju huwa rrappreżentat mill-Akkademja tal-Malti li hija membru tal-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (EWC). L-Akkademja taħtar ġurija indipendenti kull tliet snin sabiex tagħżel ir-rebbieħ minn Malta.
Il-kittieba rebbieħa jingħataw premju ta’ €5000 u jkollhom diversi opportunitajiet biex iressqu x-xogħol tagħhom quddiem qarrejja Ewropej. Il-premju huwa ffinanzjat mill-Programm Ewropa Kreattiva.