Wara Fitch u Moody’s kien imiss ir-rapport tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS. F’analiżi ppubblikata llum tat rating A lil Malta b’ħarsa għall-ġejjieni li baqgħet waħda stabbli.
Bħal aġenziji oħra d-DBRS innotat it-tkabbir ekonomiku qawwi li qed jesperjenza pajjiżna. “L-ekonomija ta’ Malta hija l-iżgħar fiż-Żona Ewro imma hija waħda diversifikata,” jgħid ir-rapport li jinnota kif l-industriji f’pajjiżna sejrin tajjeb. Wara tkabbir ekonomiku rekord għal sena wara oħra issa l-aġenzija qalet li dan se jkun stabbli f’madwar 3%.
Jinnota wkoll ir-riformi li qed isiru fil-pajjiż biex jissolvew sfidi li ilhom għaddejin is-snin. Fosthom dawk fl-enerġija fejn mhux se nibqgħu dipendenti fuq iż-żejt u dawk fil-qasam tal-impjiegi. Kien imfaħħar ukoll l-investiment li jsir bi sħubija bejn gvern u privat u msemmi wkoll hemm il-bank ta’ żvilupp approvat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Programm ta’ ċittadanza b’investiment issemma wkoll bħala sors ta’ dħul importanti tant li se jikkontribwixxi wieħed fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross għal din is-sena.