Mindu kienet ċkejkna kont taraha barra fit-triq tilgħab bil-ballun, u minn hemmhekk, tista’ tgħid li qatt ma kien hemm perjodu f’ħajjitha fejn ma kinitx tipprattika xi sport.
Tant hu hekk li Eleanor Bezzina hija waħda mill-uniċi nisa fl-isport tal-isparar u għamlet isem għaliha wkoll fix-xena internazzjonali.
Fost l-oħrajn hi rebħet id-deheb fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar fil-Montenegro, rebħet il-kampjonat nazzjonali Skoċċiż u ħadet sehem ukoll fil-Gran Prix tal-Lussemburgu.
Hi spjegat li daħlet f’din id-dixxiplina b’kumbinazzjoni.
“L-isparar jien bdejtu b’kumbinazzjoni. Jien ġejja minn sport kompletament differenti. Kont ili xi għoxrin sena nilgħab netball, għamilt xi tliet snin waterpolo u b’kumbinazzjoni tlajt ir-range u llum m’għadux magħna, il-Presiden tal-klabb Lawrence Darmanin kien ippreżentani ma’ dan l-isport u minn dakinhar nista’ ngħid mit-2009 m’erġajtx ħarist lura u bqajt nipprattikah. Mhux dejjem iġġib riżultati, daqqa tkun tajba f’competition, daqqa tmur ħażin imma l-importanti li tibqa’ titrenja, tibqa’ tistinka u tibqa’ tikkompeti.” Stqarret Bezzina.
Eleanor hija waħda mill-finalisti għall-aqwa sportiva għas-sittin edizzjoni tal-iSportmalta Awards li se tittella’ nhar is-Sibt mill-Għaqda Ġurnalisti Sports b’kollaborazzjoni ma’ Sport Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru proġetti li bihom l-atleti tagħna jkollhom ċans aqwa jirnexxu anke barra minn xtutna.
Is-Segretarju Parlamentari Grima sostna, “Qed naraw kif fl-iżmien illi ġejjin inħabbru numru ta’ inizjattivi fosthom anki ta’ finanzjament biex naraw li jkun hemm strutturi li jagħtu s-sapport kollu neċessarju lil dawn l-atleti. Dawn l-istrutturi jistgħu jvarjaw minn strutturi ta’ kowċing għal strutturi oħra illi jgħinu kemm jista’ jkun biex nagħtu l-għodda neċessarji lill-istess atleti sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod sħiħ it-talent tagħhom.”
Il-lejla ta’ premjazzjoni ser isseħħ fit-22 ta’ Frar u ser tixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.