F’investiment bla preċedent għall-gżejjer Maltin, il-kumpanija Al Faisal se tinvesti fil-bank Banif, li jopera f’Malta. Dan tħabbar ftit tal-ħin ilu waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Prim Minsitru qal li dan huwa turija ta’ kemm Malta hija miftuħa għan-negozju, mhux biss ma’ pajjiżi Ewropej iżda anke ma’ dawk li qed jiksbu suċċess barra minn xtutna. Żied jgħid li dan l-investiment se jwassal biex jinfetaħ suq ġdid ta’ investiment mal-golf Għarbi.
Il-kumpanija Al Faisal Holding ġiet stabbilita fis-snin sittin, bħala kumpanija li tinnegozja fl-ispare parts. Illum-il ġurnata hija kumpanija privata ewlenija fil-Qatar, speċjalizzata f’diversi oqsma, fosthom il-propjetà, l-ospitalità, l-IT, l-edukazzjoni u l-kostruzzjoni.
Ic-Chairman u CEO huwa x-Sheikh Faisal Bin Qassim Al Thani, li kien fost dawk f’diskussjonijiet mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-kumpanija tispikka fil-kwalità għolja li toffri kemm fis-servizzi kif ukoll fil-mod kif tmexxi n-negozju. Hija kumpanija li għandha rwol sinnifikanti ħafna fl-iżvilupp tal-ekonomija tal-Qatar.