Il-Hamis 13 ta’ Settembru kien hawn waħda mill-akbar passa ta’ tajr tal-priża f’dawn l-aħħar snin. Mill-10.30 it-tajr beda jigi osservat ipassi, li minnu, il-maġġoranza kienu Bagħdan u Kuċċard. Għall-ħabta tas-14:00 bdew jiġu osservati qtajja kbar, anke ta’ 300 f’salt.
Il-passa kompliet sad-dlam u ħafna mit-tajr ma raqadx hawn, imma baqa’ sejjer fi triqtu lejn in-nofsinhar. Wisq probabbli minħabba t-temp instabbli fuq il-baħar. Kien anke rrapurtat minn sajjieda li raw passa kbira għaddejja madwar Malta u dan ifisser li n-numru ta’ tajr li passa kien ħafna akbar.
Kaċċaturi San Ubertu (KSU) jixtiequ jirringrazzjaw lill-membri tagħhom li bħal dan iż-żmien iżommu kont tal-passes u jqattgħu siegħat twal fil-kampanja josservaw l-għasafar. Il-membri tal-KSU ghaddew mijjiet fuq mijjiet, anke Falkuni u Astuni, imma l-aktar li passew kienu il-Bagħdan u l-Kuċċard, li qabzu l-eluf.
Il-ġimgħa filgħodu membri tal-KSU komplew l-osservazjoni u raw dawk it-tajr li raqad hawn jitlaq filgħodu kmieni biex jkompli ipassi. KSU innutat l-osservanza kbira tal-liġi, minkejja dak l-ammont kbir ta’ tajr, u n-numru kbir ta’ kaċċaturi li flimkien ma’ osservaturi tal-għasafar, irħewlha fil-kampanja f’postijiet tajbin biex josservaw dan it-tajr.
KSU tinnota n-nuqqas ta’ publiċità min-naħa tal-BirdLife Malta u CABS, li joħorġu stqarrijiet biss meta jsibu għasfur mejjet. KSU tinkoragixxi li meta jkun hemm avenimenti bħal dawn ta’ passes kbar, għandu jiġi mħajjar biex in-nies japprezzaw il-passes li jgħaddu minn Malta u jkunu jistgħu igawdu dawn l-għasafar bħal-ħaddieħor.