Aktar kumpaniji fis-settur tal-video game development qed ikomplu jinvestu u se jiftħu l-bażi tagħhom fostna. Fost dawn hemm waħda mill-akbar kumpaniji li jeżistu attwalment fl-Asja f’dan is-settur, Talon Esports, li għażlet li twaqqaf bażi wkoll f’Malta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, waqt li kien preżenti għall-ftuħ tar-raba’ edizzjoni ta’ Playcon, l-esebizzjoni speċjalizzata f’dan il-qasam, fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
Il-kumpanija internazzjonali Talon Esporta għażlet proprju lil pajjiżna biex tiftaħ il-bażi tagħha Ewropea. Dan wara li wkoll evalwat kif Malta qegħda ssir dejjem aktar attraenti, inkluż b’investiment bis-serjetà f’dan il-qasam.
Dan kif anke esprimew investituri barranin fl-istħarriġ ta’ Ernst & Young, li tħabbar din il-ġimgħa stess.
“Investiment ġdid ta’ kumpanija fl-esports, kumpanija Asjatika, li hi waħda mill-akbar kumpaniji, li issa qed tkabbar u trid tespandi l-operat tagħha mill-Asja għall-Ewropa u kif semmejt illum għażlet lil Malta, fetħet l-uffiċċju f’Malta, biex tkabbar l-operat fl-Ewropa minn ġewwa pajjiżna.”
Hu spjega wkoll kif, fl-aħħar snin, il-Gvern ħadem biex isaħħaħ din in-niċċa ekonomika li, fost oħrajn, qed tattira t-talent lokali u toffri mpjiegi ta’ kwalità għolja għaż-żgħażagħ lokali.
Dan deher ċar ukoll waqt dan il-ftuħ tal-Playcon, b’mijiet ta’ studenti tal-iskola jduru u jilagħbu fuq l-istands tal-esebituri.
“Illum erba’ snin wara, ħames snin wara, qegħdin naraw riżultat tal-frott ta’ dik l-istrateġija. Numru ta’ kumpaniji li diġà joperaw f’pajjiżna, f’settur ekonomiku kompletament ġdid għal pajjiżna. Però, aktar minn hekk, li naraw li dak l-investiment, l-opportunitajiet li qed noħolqu kemm jista’ jkun joħduhom il-Maltin, għax dawn huma l-jobs ta’ kwalità, li joffru pagi tajbin.”
Intqal li l-Gvern se jwettaq miżuri oħrajn f’dan il-qasam biex ikompli jikber, fosthom bil-Basecamp Accelator Programme u l-Esports Athlete Visa. Din in-niċċa ekonomika hi wkoll parti mill-Malta Vision 2050, li tħabbret ftit tal-jiem ilu mill-Gvern, bil-Ministru jisħaq li din il-viżjoni timbotta biex pajjiżna jkun id-dar naturali għal dan is-settur.
Matul il-ġranet tal-Playcon mistenni jkun hemm aktar minn 20,000 parteċipant fi spazju mifrux ta’ 7,500 metru kwadru b’esebizzjonijiet interattivi minn sittin esebitur.
Preżenti għall-ftuħ kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti.