Sigħat twal ta’ ħidma, u eluf ta’ ewro minn buthom biex għall-jiem tal-Karnival iferrħu, jagħtu gost u jpoġġu tbissima fuq wiċċ eluf ta’ persuni.
Stiefnu De Battista, dilettant tal-Karnival, spjega kif il-kumpanija tiegħu Beqqu & Friends Carnival, għadhom jiżbħu l-karru tal-karnival bil-mod tradizzjonali, bil-pinzell.
De Battista spjega kif il-Karnival ta’ Malta minn dejjem kellu din it-tradizzjoni tal-pinzell u għalekk għażlu li jżommuha.
“Lili personalment il-pinzell itini ċertu sodisfazzjon għax-xorta nista’ nilħaq il-livell li nixtieq jien bih,” qal is-Sur De Battista.
Debattista qal kif kien hemm min ipprova jħajjarhom jagħmlu użu minn tekniċi oħra bħall-airbrush iżda għażlu li jkunu fost il-ftit li jżommu din it-tradizzjoni.
Għal din is-sena De Battista spjega kif għażlu tema ferm differenti, waħda li qatt ma saret fil-Karnival. Dik ta’ Oliver Twist.
“It-tema ta’ Oliver Twist domna ħafna naħsbu fuqha. Kellna ħabib li ġie b’din l-idea. Ridna nagħmlu xi ħaġa differenti. Huwa suġġett li qatt ma ħareġ fil-karnival s’issa,” kompla jgħid is-Sur De Battista.
Bi tbissima fuq fommu, De Battista hu xhieda tal-imħabba ġenwina li għandu għall-Karnival fejn stqarr kif ta’ kuljum jaħseb fih.
“Il-karnival għalija jfisser ħafna għaliex aħna nkunu familja, fi tmiem il-ġimgħa l-ħbieb tagħna ma joħorġux, jiġu jtuna daqqa t’id … Għalekk il-karnival inħobbuh ħafna għax int mhux qed tmur għax-xogħol, int qed tiltaqa’ f’komunità ta’ nies li jħobbu l-istess suġġett,” huwa qal.
Spjega kif fil-karnival jista’ jkun kreattiv għalekk awtomatikament jibda jaħseb minn ferm qabel x’jista’ jagħmel u x’jista’ joħloq, bil-karru jibda jinħadem minn Mejju u bl-aħħar irtokki jibqgħu għaddejjin sal-aħħar.