Louis Lia ta’ 46 sena ttella’ l-qorti minn martu u l-maħbub tagħha akkużat li tagħhom fastidju f’ sitt inċidenti separati minn Lulju ‘l hawn.
L-akkużat u martu, Mary Grace Lia, għadhom legalment miżżewġin, hekk kif il-qorti semgħet li minkejja li l-mara abbandunat id-dar matrimonjali, dejjem irrifjutat li l-koppja jibdew proċeduri ta’ separazzjoni.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkuża u fisser kif wara li kien ilu mingħajr impjieg għal tmien snin skopra li martu akkumulat dejn kbir u li hu, bħala żewġha f’ għajnejn il-liġi, kellu jagħmel tajjeb għal dan id-dejn ukoll. Taħt pressjoni kbira, spjega lill-qorti kif waqa’ fil-vizzju tax-xorb.
Kien f’ episodji meta jkun fis-sakra li Lia kien imur iħabbat id-dar fejn toqgħod martu u Alfred Attard, il-maħbub tagħha. F’ episodju minnhom is-Sibt li għadda waddbilha l-boroż taż-żibel mal-bieb.
Id-difiża qalet ukoll li x-xahar li għadda l-maħbub tal-mara bagħat lil xi ħadd isawtu.
L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest, wara li wiegħed lill-maġistrat li se jibda programm is-Sedqa u li mhux se jersaq lejn dar martu, fuq depożitu ta’ mitejn u ħamsin ewro u garanzija personali ta’ €5,000.