Il-vulkan fuq il-Peniżola Reykjanes fl-Iżlanda li kien ilu rieqed għal madwar 800 sena u reġa ħa l-ħajja fis-sena 2021, żbroffa għas-seba’ darba f’sena nhar l-Erbgħa filgħaxija bil-lava toħroġ minn qasma twila ta’ madwar tliet kilometri.
Uffiċjali qalu li din l-aħħar eruzzjoni hija konsiderevolment iżgħar minn dik ta’ Awwissu li tista’ tkun indikazzjoni li l-attività sismika laħqet il-qofol tagħha.
Filwaqt li l-iżbroff mhux se jfixkel operazzjonijiet tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet ħarġu twissija ta’ ħruġ ta’ gas f’partijiet tal-peniżola inkluż il-belt qrib ta’ Grindavik.
L-iżbroff repetut tal-vulkan qrib il-belt ta’ Grindavik, li għandha popolazzjoni ta’ madwar erbat elef ruħ u li tinsab madwar 50 kilometru fil-Lbiċ tal-kapitali Reykjavik, ikkawża ħafna danni fl-infrastruttura u l-propjetà u kien il-kawża li ġew evakwati ħafna residenti biex tkun garantita s-sigurtà tagħhom.
Għalkemm l-awtoritajiet qalu li l-belt mhux qed tkun mhedda b’dan l-aħħar żbroff, xorta għadha tinsab kważi battalha wara l-ordni ta’ evakwazzjoni li kienet inħarġet f’Diċembru li għadda.
Filwaqt li l-ajruport internazzjonali prinċipal tal-Iżlanda qal li t-titjiriet ma kienux ġew affetwati, waħda mill-akbar destinazzjonijiet popolari mat-turisti fl-Iżlanda, l-ispa ġeotermali Blue Lagoon, għalqet u evakwat lill-viżitaturi hekk kif il-parkeġġ tal-karozzi safa’ miksi kompletament bil-lava.