Il-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku għall-ewwel darba fl-istorja tal-Knisja Kattolika ħatar mara f’waħda mill-ogħla karigi tal-Vatikan.
Sor Nathalie Becquart ta’ tnejn u ħamsin sena ser tkun issa l-id il-leminija tal-Kardinal Malti u Għawdxi Mario Grech u s-Sotto Segretarju fis-Sinodu tal-Isqfijiet.
Istituzzjoni li tiġbor fiha Isfqijiet mill-pajjiżi kollha tad-dinja u li bejn wieħed u ieħor jiltaqgħu kull tlieta jew erba’ snin.
Mas-Soru Franċiża ġie maħtur ukoll is-Saċerdot Luis Marin de San Martin.
Fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana dan l-istazzjon iltaqa’ mat-Teologu l-Professur Fr Hector Scerri, fejn iddeskriva l-ħatra tas-soru fis-Sinodu tal-Isqfijiet bħala pass importanti ‘l quddiem għall-Knisja.
Fr Hector stqarr magħna: “Dan ifisser ħafna. L-ewwel nett il-Papa stess kemm ilu papa ilu jisħaq fuq il-bżonn tas–sinodalità, jiġifieri l-bżonn li membri tal-Knisja jimxu lkoll flimkien u li d-deċiżjonijiet jittieħdu mhux biss minnu waħdu jew minn xi grupp ta’ isfqijiet iżda kemm jista’ jkun jivolvu parteċipazzjoni minn firxa wiesgħa tal-Knisja.”
Sor. Nathalie se jkollha wkoll id-dritt biex anke tivvota f’kull Sinodu tal-Isqfijiet, privileġġ li huwa wkoll tal-ewwel xorta tiegħu fil-Vatikan.
Għal dan, f’intervista mas-sit uffiċjali tal-Vatikan il-Kardinal Mario Grech tkellem fuq l-importanza ta’ dawn il-ħatriet u saħaq kif dan jirrifletti dak li ħafna isfqijiet ilhom jitkellmu fuqu – dak li jisaħħaħ l-irwol tal-mara fid-deċiżjonijiet tal-Knsija Nisranija.
Il-Professur Hector Scerri tenna li b’dan il-pass se jingħataw aktar vuċijiet lil dawk li rari kienu jsemmgħu leħinhom.
Huwa sostna: “L-għażla tal-Papa hija waħda sabiħa ħafna meta tqis li l-Papa għażel tnejn min-nies li se jkunu qed jgħinu lill-Kardinal u allura dan ikompli jirrifletti x-xewqa tal-Papa li kulħadd għandu vuċi u jagħti sehmu.”
Is-Sinodu tal-Isqfijiet jiddiskuti diversi materji marbuta mat-tagħlim Kattoliku u fost l-oħrajn ġieli ddiskuta kif il-Knisja għandha timxi ma’ nies iddivorzjati.
Din il-ħatra tal-ewwel mara fis-Sinodu tal-Isqfijiet issegwi deċiżjoni oħra tal-Papa li ħatar sitt nisa f’Kunsill li jamministra l-finanzi tal-Vatikan.