Il-baġit imħabbar it-Tnejn filgħaxija kellu diversi reazzjonijiet differenti. Imma r-reazzjonijet kollha kellhom xi ħaġa komuni, dik li l-baġit kien tajjeb għall-familji u għan-negozji Maltin u Għawdxin. Tant, li ħafna mill-persuni li tkellmu ma’ ONE News illum qalu li Gvern Laburista, “minn Malta falluta għamel ġenna tal-art”, u kemm m’hemmx xejn minn dan il-baġit li wieħed jista’ jmaqdar:
“Il-baġit huwa pożittiv, ma tistax tgħid li huwa baġit negattiv. Hemm żieda fil-pensjonijiet, hemm żieda fl-assistenza għall-persuni b’diżabbilità. Hemm ħafna inizjattivi li joffru futur lill-poplu Malti”.
In-nies li tkellimna magħhom fil-Belt sostnew li kienu bosta l-miżuri li laqtuhom direttament fosthom l-iskema biha l-Gvern se jgħin persuna ta’ ‘l fuq minn erbgħin sena jsiru sidien ta’ darhom.
Issemmiet ukoll il-miżura li se twassal biex għar-raba’ sena konsekuttiva jogħlew il-pensjonijiet, kif ukoll l-ewwel żieda taċ-children’s allowance f’iktar minn 11-il sena.
L-estensjoni tat-trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ ta’ erbatax u ħmistax-il-sena kif ukoll ma’ studenti li jibqgħu jistudjaw wara li jkunu għalqu l-għoxrin sena niżlet tajjeb mal-istudenti, iżda mhux biss. Sidien ta’ negozji qrib istituzzjonijiet edukattivi esprimew it-tama li din il-miżura twassal sabiex ikompli jitkattar il-ġid għalihom.