Il-Kummissjoni Elettorali fetħet ir-reġistrazzjonijiet għal dawk il-persuni li fil-25 ta’ Mejju ma jistaw jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Dan għax se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar.
Il-votazzjoni bikrija se ssir ġimgħa qabel l-elezzjonijiet – jiġifieri s-Sibt 18 ta’ Mejju fil-‘counting hall’ tan-Naxxar.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt spjega li kull minn jixtieq jivvota ġimgħa qabel għandu jasal wasla sas-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar jew fl-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat Għawdex.
Dawn l-applikazzjonijiet se jintlaqaw kuljum sal-Ġimgħa, is-17 ta’ Mejju li ġej.
“Hemm hekk jiffirmaw dokumentazzjoni ġuramentata li nhar il-25 ta’ Mejju ħa jkunu imsiefrin jew rikoverati fi sptar. Kull ma jridu jieħdu magħhom il-karta tal-identita’ biss. Il-ħinijiet biex jiffirmaw din id-dikjarazzjoni hu kuljum mit-8:00am sa 13:30pm. 15:00pm sa 19:00pm. Sibtijiet u Ħdud sa’ 12:00pm,” spjega Gatt.
Għall-ewwel darba il-votazzjoni bikrija se ssir f’żewġ postijiet f’Malta u Għawdex.
“Dawk il-persuni reġistrati Għawdex mhux se jkollhom bżonn jinżlu jivvutaw Malta ġewwa n-Naxxar nhar it-18 ta’ Mejju. Iżda jmorru ġol farm sperimentali ġewwa x-Xewkja Għawdex u jivvutaw hemm hekk. L-Għawdxin jivvutaw ġo Għawdex u l-Maltin ġo Malta,” qal Gatt.
Qal li l-Maltin li jgħixu barra u ġejjin għall-elezzjoni se jkollhom l-opportunità jivvutaw fiż-żewġ dati. Madankollu dawk li se jivvutaw ġimgħa qabel għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ġuramentata sas-17 ta’ Mejju li ġej f’nofsinhar.
Intant, Gatt spjega li l-Ħamis mistenni jintemm il-proċess ta’ stampar tad-dokumenti tal-vot waqt li t-tqassim tal-voti mistennij jibda l-ġimgħa d-dieħla.
B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni Elettorali avżat lill-votanti rreġistrati Għawdex u li jixtiequ jiġbru d-dokumenti tagħhom minn Malta jew viċi versa biex jagħmlu talba bil-mikub malajr kemm jista’ jkun fuq l-indirizz elettroiku maltagozo.electoral@gov.mt jew b’formola apposta.
Il-Partit Laburista appella li kull minn għandu xi problema biex jikkuntattja minnufih l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq il-freephone 80072257.