Fost l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħamis filgħaxija kien hemm numru ta’ voti ta’ protesta kontra l-ogħla uffiċjali li reġgħu nħatru fil-partit.
Fil-fatt fost l-uffiċjali li nħatru ma kien hemm l-ebda vot unanimu favur uffiċjal li kien qed itellaq waħdu fin-nomina għall-kariga.
F’Eżekuttiv ta’ 110 membri, il-vot Delia kien evidenti u l-vot ta’ protesta kellu piż saħansitra ta’ kważi 40%.
Michael Piccinino nħatar Segretarju Ġenerali u kellu 30% tal-membri fl-Eżekuttiv Nazzjonalista li ma vvutawx favurih, jiġifieri jew ivvutaw kontra jew astjenew.
Il-vot ta’ protesta kien iktar evidenti fil-konfront ta’ Joseph Grech, li kellu biss 62% tal-membri tal-Eżekuttiv li vvutaw favurih.
Grech huwa l-President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, il-fergħa żagħżugħa tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fi żmien it-tmexxija ta’ Delia.
Grech kien immonta attakk kontra Delia biex jitneħħa minn Kap u saħansitra anki ffirma petizzjoni u kien tkellem f’Kunsill Ġenerali straordinarju biex jiġi sfiduċjat Adrian Delia wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Intant Graham Bencini nħatar President tat-tielet organu tal-Partit Nazzjonalista, il-Kumitat Amministrattiv.
Hawnhekk ukoll ġie approvat wara li vvutaw biss favurih 68% tal-membri tal-eżekuttiv.
Roselyn Borg Knight reġgħet saret Segretarju Internazzjonali tal-partit wara li kienet l-uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista li mill-fazzjoni t’Adrian Delia mxiet għal dik ta’ Simon Busuttil u bdiet tappoġġja lil Bernard Grech.
Ġimagħtejn ilu Mark Anthony Sammut reġa’ sab ruħu fl-ogħla organi tal-Partit Nazzjonalista wara li kien irriżenja biex imexxi l-kampanja kontra l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li s-sena l-oħra ġie sfiduċjat u tneħħa minn Kap.
Bil-barka tal-Kap Bernard Grech, Mark Anthony Sammut ikkontesta biex isir President tal-Kunsill Ġenerali iżda fil-votazzjoni li saret aktar kmieni dan ix-xahar ukoll dehret ċara l-qasma u l-apatija fil-partit u kif il-vot mill-fazzjoni ta’ Delia għad għandu piż.
Fil-fatt 265 Kunsillier tal-partit ma vvutawx għal Mark Anthony Sammut u għalhekk iżjed minn 20% ta’ dawk li vvutaw, ma riduhx.
Fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista reġgħu ġew eletti wkoll Francis Zammit Dimech, Michael Fenech Adami u Alex Perici Calascione.