Għat-tieni darba fix-xahar ta’ April, l-istituzzjonijiet finanzjarji taw vot ta’ fiduċja qawwi lill-Gvern u lit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi f’pajjiżna.
Illum it-Teżor ħareġ offerta għal €200 miljun stock tal-Gvern. B’reazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji offrew €494 miljun, jew aktar mid-doppju mitlub.
Dan wara li fit-3 ta’ April, għal offerta ta’ €200 miljun stock tal-Gvern, l-istituzzjonijiet finanzjarji offrew €404 miljun, jew aktar mid-doppju mitlub.
Li f’xahar li fih l-aktar li nħasset l-effetti tal-pandemija l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu lesti li jinvestu kwazi €900 miljun f’assi finanzjarji maħruġa mill-Gvern huwa l-aqwa konferma ta’ kemm hemm fiduċja fil-pjan ekonomiku tal-Gvern. F’inqas minn xahar il-Gvern irnexxielu jsib il-finanzjament ekwivalenti għal kważi 9 xhur spiża fuq il-benefiċċji amministrati mill-Malta Enterprise u mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex insostnu l-ekonomija ta’ pajjiżna. Flimkien ma’ riżorsi oħra tal-Gvern, fosthom l-assi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, dawn il-flus ser iservu biex issalvaw għexerien ta’ eluf ta’ impjiegi.