Filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil qed tibqa’ tkun dejjem aktar negattiva, l-istituzzjonijiet Ewropej kollha, qed jagħtu vot ta’ fiduċja wieħed wara l-ieħor lil dan il-pajjiż li mhux biss miexi ‘l quddiem, iżda qed jikser l-aspettativi tagħhom stess. Qal dan id-deputat Laburista Etienne Grech.
Fakkar li kmieni l-ġimgħa l-oħra l-Kummissjoni Ewropea ħarġet bit-tbassir tagħha dwar l-ekonomija Maltija għall-Ħarifa, fejn fl-imsemmi rapport, il-Kummissjoni saħqet li Malta għandha l-ikbar tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro, tant li l-esperti tal-Kummissjoni rrevedew ‘l fuq it-tbassir tagħhom għall-ekonomija ta’ pajjiżna fejn il-ġid Nazzjonali mistenni jiżdied b’4.1%, jew aktar mid-doppju tal-medja tul l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Kummissjoni qed tgħid li r-raġuni ewlenija wara t-tkabbir ekonomiku huwa l-investiment għoli u ż-żieda fil-konsum tal-familji filwaqt li qed tkompli tbassar aktar ħolqien ta’ impjiegi u dejjem inqas qgħad. Anke f’dawk li huma mizuri fiskali, pajjiżna jinsab on track, fejn id-defiċit huwa mbassar li jkun 0.7% fl-2016, filwaqt li l-piż tad-dejn Nazzjonali mistenni jaqa’ taħt is-60% s-sena d-dieħla, l-inqas mill-1998 ‘l hawn. Dan se jfisser li l-Gvern se jkun ġab fix-xejn iż-żieda fil-piż finanzjarju tad-djun li wettqu tliet amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Grech qal li vot ta’ fiduċja ieħor li ħa pajjiżna kien l-approvazzjoni tal-baġit 2017, baġit li ppreżenta ftit tal-ġimgħat ilu dan il-Gvern, baġit mimli mizuri soċjali li se jkompli jgħin lil dawk l-aktar li għandhom bżonn u se jkompli jaqla’ n-nies mill-faqar.
“Filwaqt li ħaddieħor se jibqa’ jkun negattiv u moħħu biex jipprova jagħmel il-bsaten fir-roti għax huwa kontra l-investiment, dan il-Gvern ta’ Joseph Muscat se jkompli jaħdem, biex din il-ħidma li qed jagħmel mhux biss iġib vot ta’ fiduċja dwarha mill-istituzzjonijiet Ewropej, iżda l-aktar importanti mill-poplu Malti u Għawdxi kollha li qed iħoss id-differenza bil-fatti” temm jgħid Etienne Grech.