It-tieni linja tal-ajru ġdida tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nediet l-operat skedat tagħha lbieraħ, bl-ewwel titjira skedata tasal minn Hamburg kmieni filgħaxija. Airbus A320 bil-kuluri isfar u griż ta’ Condor intlaqa’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bis-salut tradizzjonali tal-ilma.
Barra li ser tkun qed topera żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Hamburg, Condor ser tkun qed issaħħaħ il-konnessjoni tal-MIA mal-ajruport ta’ Frankfurt permezz ta’ titjiriet sa Ottubru. L-ajruport ta’ Frankfurt huwa wieħed mill-bażijiet prinċipali minn fejn topera Condor u jservi bħala punt tat-tluq ta’ ħafna mit-titjiriet fit-tul tal-linja tal-ajru lejn għadd ta’ destinazzjonijiet fl-Afrika u l-Kontinent Amerikan.
“It-tnedija tal-lum hija vot ta’ fiduċja ieħor kemm fl-ajruport tagħna u kemm fil-gżejjer Maltin. Dan jinkoraġġina nkomplu nippersistu fl-isforzi konġunti tagħna mal-Gvern u mal-Awtorità Maltija għatTuriżmu sabiex inkomplu nkabbru n-netwerk ta’ destinazzjonijiet u linji tal-ajru tagħna. Filwaqt li bħalissa noffru titjiriet lejn 30 pajjiż, l-għan tagħna huwa li ntejbu l-għażla pprovduta lill-pubbliku lokali u li nippermettu lil turisti minn swieq ġodda jiskopru l-gżejjer Maltin,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis qal: “Permezz tal-iskeda l-ġdida ta’ Condor, ser inkunu qed inżidu s-seat capacity minn żewġ hubs, jiġifieri Frankfurt u Hamburg, filwaqt li nikkonsolidaw u nestendu s-sehem li għandu s-suq Ġermaniż mit-turiżmu tagħna. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem għal aktar tkabbir fis-settur tat-turiżmu, f’kuntest strateġiku ta’ sostenibbiltà, diversifikazzjoni u espansjoni ta’ swieq mhux tradizzjonali.”
“Dan is-servizz ser iżid rotta oħra bejn Malta u s-suq importanti Ġermaniż, li kiber sostanzjalment wara l-espansjoni tal-konnettività mal-gżejjer tagħna minn għadd ta’ ajruporti fil-Ġermanja. Barra minn hekk, iż-żona madwar Hamburg tikkostitwixxi sors ta’ turiżmu importanti ħafna għal Malta,” qal is-CEO tal-MTA Paul Bugeja, filwaqt li awgura kull suċċess lil Condor għall-operat skedat ġdid tagħha.
Condor ilha topera mill-1956 u hija parti minn Thomas Cook Group, wieħed mill-aktar ismijiet magħrufin fl-industrija tal-ivvjaġġar. Il-linja tal-ajru topera flotta ta’ aktar minn 40 ajruplan u ġġorr madwar 7 miljun passiġġier annwalment lejn madwar 75 destinazzjoni.