Vot ieħor ta’ fiduċja kien f’Alex Agius Saliba, li ġie konfermat bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Huwa se jkun qed jokkupa l-irwol li sa ftit ilu kien f’idejn il-Perit Daniel Micallef.
Minn 721 vot, Agius Saliba ġab 635 vot iva, 53 le, 28-il astensjoni u kien hemm 5 voti invalidi.
Il-Prim Ministru Robert Abela awgura liż-żewġ Deputati Mexxejja ġodda tal-Partit Laburista.
Huwa saħaq li jħares ’il quddiem li flimkien ma’ team b’saħħtu ta’ nies b’esperjenza u oħrajn ġodda, inkomplu niġġeddu.
Għada niltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun għall-għeluq tal-Konferenza Ġenerali.
Dwar Alex Agius Saliba:
Alex Agius Saliba għandu 36 sena u se jkun it-tnax-il Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Huwa beda bl-attiviżmu politiku tiegħu minndu kien żagħżugħ, fejn ta’ sbatax-il sena ġie elett bħala Segretarju Ġenerali tal-għaqda studentesta Pulse.
Wara, Agius Saliba beda jinvolvi ruħu fi ħdan l-istrutturi tal-Partit Laburista. Dan hekk kif bejn l-2008 u l-2017, hu serva bħala Segretarju Ġenerali u President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti, rispettivament.
Bejn l-2008 u l-2013, Alex Agius Saliba ħadem fi ħdan il-kamra tal-aħbarijiet ta’ ONE.
Imbagħad fl-2019, Agius Saliba ġie elett bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Laburista.
F’dik il-leġiżlattura huwa nħatar bħala Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew. Fl-2020, Agius Saliba ngħata t-titlu ta’ wieħed mill-aktar Ewroparlamentari influwenti mill-ġurnal awtorevoli Politico.
Fil-ħidma tiegħu, Agius Saliba ħadem favur ir-‘Right To Disconnect’, li ġie approvat b’mod b’saħħtu mill-Parlament Ewropew u dan se jwassal biex ħaddiem ma jibqax obbligat li jwieġeb l-emails u messaġġi relatati ma’ xogħol waqt il-ħin liberu tiegħu.
Dan filwaqt li s-sena l-oħra, il-ġurnal awtorevoli Amerikan, The Wall Street Journal faħħar ix-xogħol tal-Ewroparlamentari Malti, favur li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom charger komuni għall-apparat elettroniku tagħhom.
Dan wara li l-Unjoni Ewropea għaddiet liġi li tirrikjedi lill-manifatturi ta’ apparat elettroniku ġdid li jkollhom USB-C biex jiċċarġjaw.
F’Ġunju li għadda, Alex Agius Saliba reġa’ ġie elett għal darba oħra fil-Parlament Ewropew, bl-akbar ammont li kandidat Laburista ġab voti, bi kważi erbgħa u sittin elf vot.