Il-Parlament Ewropew se jkun qed japprova l-liġi li titratta dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi, liema strument legali ħadmet fuqha l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli. Din il-liġi se tkun qed tħares l-ambjent billi jonqos it-tniġġis fl-arja, u se jkunu qegħdin jiżdiedu aktar impjiegi filwaqt li se jkunu mħarsa l-ħaddiema.
Dan għall-fatt li din il-liġi se tkun qed tindiriza l-ħtieġa li jkun hemm taħriġ adekwat biex ikun hemm ir-riżorsi umani li jaħdmu f’dan is-settur li qed jevolvi, u fl-istess waqt se tkun qed tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur Ewropej permezz tal-innovazzjoni.
Permezz ta’ dan il-vot ikun jonqos biss il-fażi finali li jikkonsisti f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew.
Il-vot mistenni li jittieħed għall-ħabta tan-12:30, u l-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi huwa favur din il-pożizzjoni b’saħħitha u ambizzjuża sabiex sal-2030 jonqos b’mod tanġibbli l-emissjonijiet mill-karozzi ġodda.
Dan filwaqt li ċ-ċittadini Ewropej, li huma wkoll konsumaturi, se jkunu qegħdin jgħixu f’arja aktar nadifa kif ukoll se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn prezzijiet aktar affordabbli għall-karozzi li jużaw b’enerġija nadifa.