“Il-pjan tal-Partit Laburista għal dan il-pajjiż huwa b’saħħtu.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, fejn quddiem folla mill-isbaħ wassal messaġġ pożittiv u ta’ għaqda.
Robert Abela semma diversi raġunijiet għaliex il-poplu Malti u Għawdxi għandu jivvota lill-Partit Laburista, li jmorru lil hinn mir-riskju li nitilfu dak kollu li ksibna mal-Partit Nazzjonalista.
“Ivvotaw lil dan il-partit għax jekk tagħtuna l-fiduċja se nagħtu Malta aħjar lil uliedna. Il-familji bieżla, li joħorġu għax-xogħol u jaħdmu kuljum biex jagħtu futur aħjar lit-tfal tagħhom. Il-vot tas-Sibt jista’ jfisser pensjonijiet aħjar. U spjegajnielkom kemm, u kif. Il-vot tas-Sibt jista’ jfisser ambjent aħjar. L-akbar investiment fl-istorja f’dan is-settur. Seba’ mitt miljun ewro fuq seba’ snin. Il-first time buyers se jkollhom l-akbar benefiċċji li qatt tajna. €10,000 fuq għaxar snin. Se nnaqqsu għall-ewwel darba t-taxxa għan-negozji. Se nnaqqsu t-taxxa għall-ħaddiema kollha u nsaħħu r-rifużjoni tat-taxxa. Il-vot tas-Sibt se jfisser garanzija għat-tfal kollha li jkollhom l-istess opportunitajiet, b’investiment ta’ €145 miljun.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’Raħal Ġdid, il-Prim Ministru qal kif il-Partit Laburista għandu l-kompetenza u l-kredibilità li jmexxi lil dan il-pajjiż, u għalhekk fis-26 ta’ Marzu għandu jingħata fiduċja.
Quddiem folla mill-isbaħ u f’messaġġ ċar, il-Prim Ministru qal kif l-għażla ftit jiem oħra hija bejn il-passat u l-futur.
“Jien ma rridx li nerġgħu lura għall-passat! Meta n-nisa kienu mwarrba u l-irġiel kienu jiddeċiedu ħajjithom għalihom. Ma rridx li nerġgħu lura għall-passat fejn kellna eluf ta’ nies qiegħda u bla tama li jsibu xogħol. Ejja ma mmorrux lura għal sitwazzjoni b’eluf ta’ familji f’kirja suppost protetta li ma kienet protetta xejn. Spiċċa ż-żmien li eluf ta’ anzjani bil-pensjoni ffriżata riedu jagħżlu bejn li jsaħħnu djarhom jew li jixtru l-mediċini għax tal-Gvern out of stock.”
il-Prim Ministru Robert Abela
F’diskors ta’ mexxej li verament għandu viżjoni għal Malta u Għawdex, Robert Abela qal li jekk jingħata fiduċja, Gvern Laburista mmexxi minnu se jaħdem biex kulħadd ikun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
“Se naħdmu għal pajjiż fejn kulħadd ikun jista’ jibni karriera li biha jagħti kontribut lis-soċjetà. Fejn kulħadd jista’ jibni familja ma’ min irid hu jew hi, u jkollhom ċans li jsiru ġenituri. Hawn ukoll għandna riforma kbira. Ċara fil-manifest. Se nagħtu ċans lil kulħadd isir ġenitur għax hawn wisq weġgħat. U għajb għalina jekk ninjorawhom. U iva dan kollu jibqa’ possibilità biss jekk il-forzi tal-bidla jibqgħu rebbieħa.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Fi tmiem ta’ diskors b’saħħtu l-Prim Ministru qal kif vot lill-Partit Laburista se jkun ifisser vot għall-futur ta’ wliedna, vot biex l-anzjani jgħixu ħajja aħjar, vot għall-familji, vot biex iż-żgħażagħ ikollhom aktar opportunitajiet u vot għal Malta Flimkien, għax il-Futur Sabiħ.