Il-Partit Laburista kkundanna l-mod kif deputat tal-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra l-liġi li tiġġieled il-vjolenza domestika bil-barka tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Meta lbieraħ id-deputat Edwin Vassallo qal li kien se jivvota kontra din il-liġi reġa’ wera Partit Nazzjonalista maqsum, fejn bit-tama li jinżamm grupp parlamentari magħqud jispiċċaw vittmi dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija.
Tkellmu dwar dan il-Ministru Helena Dalli u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli meta rreaġixxew għad-dibattitu parlamentari bil-Ministru Dalli tinnota t-tonalità differenti fil-Partit Nazzjonalista fejn deputati tkellmu b’mod differenti.
“Irridu s-soċjetà magħquda dwar il-vjolenza, imbagħad kellna parlament maqsum,” qalet il-Ministru Dalli li ddeskriviet il-fatt li m’hemmx qbil unanimu bħala tad-dwejjaq.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli fakkret kif wara li Delia ma tax vot ħieles dwar il-100 siegħa leave għal min jagħmel l-IVF u f’dan il-każ għamel bil-maqlub.
“Jispikka l-punt ta’ kif l-oppożizzjoni għal darb oħra qed turi li hi mifruda fuq affarijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum,” qalet Farrugia Portelli.
Il-Ministru Dalli rreferiet ukoll għal bidliet kbar li se tagħmel din il-liġi fejn fost oħrajn se twassal għal iktar protezzjoni għall-vittma fejn dak li jwettaq l-abbuż se jkun qed jinħareġ mid-dar. “Se tipproteġi lil kulħadd,” qalet Dalli li fakkret kif anke fil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Malta rnexxielha timbotta dan il-messaġġ.