Il-vot ta’ 8 ta’ Ġunju se juri fiduċja fil-Partit Laburista. Hekk stqarret mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, f’intervista waqt il-programm ‘Temi’ fuq ONE Radio, ippreżentat minn Janice Bartolo.
Fil-fatt, waqt dan il-programm, Dr Abela spjegat li vot lill-kandidati tal-Partit Laburista fl-elezzjonijiet tax-xahar id-dieħel, hu vot ta’ fiduċja b’saħħitha għal ħidmet il-Partit Laburista fil-Gvern.
“L-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju. Mhuwiex vot għal xejn. Anzi hu vot ta’ fiduċja f’dak li qed jagħmel Gvern Laburista. Ta’ dawn il-bidliet kbar li qed iġib għal ħajja tagħna. Favur il-bidliet kbar li qed iġib fejn jidħlu n-nisa, fejn jidħlu t-tfal, fejn jidħlu l-anzjani, iż-żgħażagħ tagħna. Hu importanti ħafna ħafna li mmorru nivvotaw.”
Lydia Abela – mart il-Prim Ministru
Waqt il-programm, Dr Abela tkellmet ukoll dwar il-ħidma, li qiegħda ssir fil-lokalitajiet f’pajjiżna, fejn sostniet li din il-ħidma tolqot b’mod dirett lil kull individwu. Dan għax jolqtu l-għaqdiet u l-attivitajiet li jsiru f’kull lokalità.
“Dik hi, fl-aħħar mill-aħħar, il-komunità. Dak li jagħmilna Maltin, dak li jiddefinina. Dak li jagħmel kull raħal bil-karatteristiċi tiegħu, differenti minn ieħor. Kull belt bil-karatteristiċi tagħha differenti minn belt oħra. U dawk għadna nippriservawhom u ngħożżuhom. B’hekk hu importanti li fl-elezzjonijiet tal-kunsilli Lokali nivvotaw.”
Lydia Abela – mart il-Prim Ministru
Hawn, Dr Abela sostniet il-ħidma b’saħħitha li qegħda ssir biex viċin kull lokalità f’pajjiżna jkun hemm spazji miftuħa li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti u li jservi għall-ġid komuni.
Hawn Lydia Abela tkellmet dwar ħidmet il-Partit Laburista tul din il-kampanja fejn anke spjegat li, tul dawn l-aħħar ġimgħat, kompliet tiltaqa’ man-nies f’diversi lokalitajiet differenti. Hawn sostniet li meta tkellmet man-nies, dejjem esprimew is-sodisdazzjon tagħhom għall-proposti mħabbrin mill-Partit Laburista, proposti li, fi kliemha, ġejjin minnhom stess.
“Tiltaqa’ ma’ nies li jagħtuk suġġerimenti, u suġġerimenti li jagħtuk ħafna minnhom ikollhom raġun u jagħtuk ideat tajbin ħafna, li imbagħad narawhom ukoll implimentati”.
Lydia Abela – mart il-Prim Ministru
Proprju l-għada li tfakkar Jum l-Omm, Dr Lydia Abela nnotat il-ħidma li saret minn Gvern Laburista tul is-snin biex ikun hemm il-bidla li hemm bżonn li tħeġġeġ aktar ommijiet jilħqu l-potenzjal tagħhom, dan filwaqt li jkunu ta’ spalla għal uliedhom.
Dr Abela tkellmet ukoll dwar l-isfida tas-saħħa mentali, fejn sostniet l-importanza li wieħed ifittex l-għajnuna biex mhux biss jikber l-għarfien fuq dan il-qasam, iżda jingħata appoġġ kontinwu lil min jeħtieġu.
Abela enfasizzat dwar il-ħidma kruċjali li trid issir hawn biex tkompli tiġi offruta għajnuna fil-komunità stess.