Ir-Rapport Mizzi: “Ir-Regolament dwar il-komplimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip li tirrigwarda l-irtirar mir-Renju Unit mill-Unjoni” ġie vvutat fil-plenarja ta’ Strasburgu ta’ din il-ġimgħa b’maġġoranza assoluta – 640 favur 11 kontra – riżultat rari fil-Parlament Ewropew. Dan huwa l-ewwel rapport leġislattiv marbut mal-BRexit li ġie approvat mill-Parlament, immexxi u nnegozjat minn MPE Malti.
Din il-leġiżlazzjoni ħolqot mekkaniżmu li jimminimizza l-impatt li l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni jista’ jkollu fuq l-industrija awtomobilistika u jagħti element ta’ kontinwità fil-kummerċ tal-karozzi, il-komponenti u l-vetturi b’mod ġenerali. Dan ifisser ukoll li l-impjiegi f’industrija daqshekk importanti ġew salvagwardjati, il-konsumaturi ġew imħarsa, u s-sikurezza fit-toroq u s-sorveljanza tas-suq ġew indirizzati f’qafas legali.
“Jiena kburiha li mexxejt in-negozjati f’isem il-Parlament u li setgħu jiffinalizzaw l-ewwel rapport relatat mal-BRexit. Anki jekk il-BRexit għadu jwassal l-inċertezza u jqajjem mistoqsijiet li ċ-ċittadini kollha jridu tweġiba għalihom, l-Unjoni għandha tkun ippreparata għal kwalunkwe eventwalità biex niżguraw l-inqas tfixkil fl-industriji tagħna, nqas ir-riskju ta’ telf ta’ impjiegi u niżguraw li l-konsumaturi jkunu protetti f’dak li jirrigwarda prodott importanti ħafna – karozzi u komponenti “qalet Mizzi.
Il-MPE Marlene Mizzi saħqet li, “Waqt li konnha prudenti fl-approċċ tagħna, innegozjana dak li se jagħti l-aħjar riżultat kemm għall-UE kif ukoll għar-Renju Unit. Għalhekk, sibna approċċ ibbilanċjat – li bih żammejna b’saħħitna fuq il-pożizzjoni tagħna dwar: ir-responsabilità kemm tal-manifatturi kif ukoll ta ‘l-awtoritajiet ta’ l-approvazzjoni tat-tip, li l-manifatturi u l-kumpaniji jkollhom biżżejjed żmien biex japplikaw għal ċertifikati ġodda ta’ approvazzjoni tat-tip li jiggarantixxu li l-istandards ta’ l-Unjoni jintlaħqu ; kif ukoll l-aħħar u mhux l-inqas . Dan ta ‘l-aħħar, se jkun ukoll element li għandu jkun rifless f’leġiżlazzjoni oħra ta’ preparazzjoni ta ‘BRexit. ”
Ir-rapport Mizzi rnexxielu jikseb l-approvazzjoni tal-gruppi politiċi kollha kif ukoll tal-Istati Membri kollha, b’dan il-mod dan huwa wieħed mill-aktar rapporti validi u b’saħħithom li ġew vvutati. Ir-rapport issa se jiġi inkorporat fil-leġiżlazzjoni Brexit li ġiet miftiehma bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.