Mark Anthony Sammut reġa’ sab ruħu fl-ogħla organi tal-Partit Nazzjonalista wara li kien irriżenja biex imexxi l-kampanja kontra l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li s-sena l-oħra ġie sfiduċjat u tneħħa minn Kap.
Bil-barka tal-Kap Bernard Grech, Mark Anthony Sammut ikkontesta biex isir President tal-Kunsill Ġenerali iżda fil-votazzjoni li saret bejn ilbieraħ u llum, dehret ċara l-qasma fil-partit u kif il-vot mill-fazzjoni ta’ Delia għad għandu piż.
Fil-fatt mitejn u ħamsa u sittin Kunsillier tal-partit ma vvutawx għal Mark Anthony Sammut u għalhekk iżjed minn għoxrin fil-mija ta’ dawk li vvutaw, ma riduhx.
Intant fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista reġgħu ġew eletti Francis Zammit Dimech, Michael Fenech Adami u Alex Perici Calascione.
Huma ħadu nofs is-siġġijiet għall-elezzjoni li kien hemm għall-Eżekuttiv.
L-aktar li ġab voti biex jiġi elett fl-Eżekuttiv kien Joe Giglio.
Mill-informazzjoni li għandna Giglio ried sieq fl-Eżekuttiv biex ikun jista’ jissielet għall-attakki li qed jagħmlu kontra tiegħu.
Dan b’mod partikolari l-klikka tad-deputati Nazzjonalisti Chris Said, Karol Aquilina u Jason Azzopardi.