Il-Ministru Ian Borg inħatar bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-Partit Laburista b’ħamsa u disgħin punt tmienja fil-mija tad-delegati Laburisti. Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar bħala Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit hekk kif ġab aktar minn tnejn u disgħin fil-mija tal-voti.
Huma ġew maħtura wara d-delegati Laburisti vvotaw fl-elezzjonijiet għal numru ta’ karigi fit-tmexxija tal-Partit Laburista, b’proċess ta’ tiġdid fil-Partit Laburista wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
Dr Ian Borg ġie kkonfermat b’vot b’saħħtu ta’ kważi sitta u disgħin fil-mija tal-voti mixħuta. Dan hekk kif Dr Borg ġab sitta tmienja u sebgħin vot iva, tletin ivvotaw le u tletax-il astensjoni.
Il-Ministru Borg, li issa mistenni jinħatar bħala Deputat Prim Ministru u anki Leader of the House fil-Parlament.
Anki, Alex Agius Saliba ġie kkonfermat b’vot b’saħħtu, hekk kif ġab tnejn u disgħin punt tlieta fil-mija. Agius Saliba ġab sitt mija, tlieta u ħamsin vot iva, tlieta u ħamsin ivvotaw le, tmienja u għoxrin astjenew u kien ħames voti invalidi.
F’kummenti li taw Ian Borg u Alex Agius Saliba sostnew li flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela se jkomplu jagħmlu l-aħjar għal pajjiż, waqt li jissaħħaħ il-Partit Laburista.
“Nilqa’ din ir-responsabbiltà ġdida għaliex konvint u nemmen li flimkien mal-Mexxej Robert Abela, flimkien mal-ħabib tiegħi Alex Agius Saliba ser inkunu qegħdin inkomplu nagħtu l-aħjar politika lil dan il-pajjiż kif għamilna matul dawn il-ħdax-il sena. Intejbu fuq anke n-nuqqasijiet li wettaqna għaliex il-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika f’Malta.”
Ian Borg – Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament tal-PL
“Jiena nemmen li l-Partit Laburista kompla jissaħħaħ u kompla isaħħaħ it-tmexxija tiegħu sabiex bħala Partit issa nkunu preparati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss imma l-messaġġ ewlieni tad-delegati għaliex forsi aħna differenti minn ħaddieħor. Il-messaġġ ewlieni kien li nkomplu niġġeddu bħala Partit Laburista mhux biss jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss imma bħala Partit inkomplu niġġeddu u nkomplu nissaħħu.”
Alex Agius Saliba – Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Ian Borg u lil Alex Agius Saliba, li ġew eletti bħala Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista. Dr Abela qal li jħares ’il quddiem li flimkien ma’ tim b’saħħtu ta’ nies b’esperjenza u oħrajn ġodda, il-Partit Laburista jkompli jiġġedded.
Dan filwaqt li Alex Sciberras ġie elett bħala President il-ġdid tal-Partit Laburista. Hawnhekk l-Avukat Sciberras qabeż lill-kandidata Norma Saliba b’erbatax-il vot.
“L-ewwelnett nirringrazzja lid-delegati tal-fiduċja li tawni, fiduċja li issa rrid inrodd lura b’ħidma kbira, li hemm bżonn li ssir. Ovvjament ir-riżultat jurina xi ħaġa waħda li hemm bżonn li kemm jista’ jkun kulħadd, kull min resaq ‘il quddiem biex jagħti s-servizzi tiegħu isib spazju fejn jaħdem fil-Partit, spazju fejn jagħti u jikkontribwixxi għal ħidma li għandna nagħmlu u huwa dak l-ispazju li għandu jingħata lil kulħadd li nemmen u nawgura li ħa jkun ir-riċetta tas-suċċess.”
Il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras
Dan filwaqt li John Grech ġie elett bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista bi kważi tmienja u ħamsin fil-mija.
Il-Ġimgħa filgħaxija, wara l-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, ivvota l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, flimkien ma’ martu Lydia.
Is-Sibt filgħodu, imbagħad fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun ivvotaw iż-żewġ kandidati Ian Borg u Alex Agius Saliba.
Ivvotaw ukoll l-eks Prim Ministri u l-eks Mexxejja tal-Partit Laburista Joseph Muscat u Alfred Sant.
Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista tingħalaq il-Ħadd filgħodu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun, bil-qofol ikun id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.