Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson mistennija jiddiskutu l-aħħar żviluppi fin-negozjati dwar il-ftehim kummerċjali wara Brexit.
Din se tkun it-tieni telefonata fl-aħħar tmienja u erbgħin siegħa bejn iż-żewġ mexxejja, wara li l-Ġimgħa filgħaxija, in-negozjatur ewlieni għall-Unjoni Ewropea Michel Barnier u l-uffiċjal tal-Gvern Ingliż David Frost qablu li jwaqqfu t-taħditiet.
In-negozjati bejn iż-żewġ naħat jinsabu f’mument kritiku, hekk kif hemm kwistonijiet dwar is-sajd u l-kummerċ.
L-Unjoni Ewropea qed twissi lir-Renju Unit, li jekk ma jkunx hemm qbil, is-sajjieda Ingliżi mhux se jibqa’ jkollhom aċċess speċjali fis-suq Ewropew biex ibiegħu l-affarijiet tagħhom. Iżda r-Renju Unit qed jargumenta li dak li jiġri fl-ibħra Ingliżi għandu jkunu taħt il-kontroll tiegħu.
Dwar il-kummerċ, iż-żewġ naħat qed isibu sett ta’ prinċipji sabiex kumpaniji ma jkollhomx żvantaġġ ħdejn il-kompetituri.
Din il-ġimgħa se tkun waħda importanti fin-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea, hekk kif bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej se jiltaqgħu l-mexxejja Ewropej f’summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, u dawn l-iżviluppi mistennjia jkunu fuq l-agenda tal-mexxejja.