Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen pproponiet pjan ‘Rearm Europe’ fejn qalet li l-membri stati jimmobilizzaw sa €800 biljun sabiex tkun iffinanzjata n-nefqa tat-tisħiħ tad-difiża. Dan seħħ ftit sigħat biss wara li l-Istati Uniti ssospendiet l-għajnuna militari għall-Ukrajna u għaldaqstant intefgħet pressjoni fuq l-Unjoni Ewropea sabiex iżżid l-assistenza tagħha.
Hija resqet proposta b’ħames miżuri li bgħatithom f’ittra lill-kapijiet tal-Istati Membri hekk kif issejjaħ summit straordinarju għall-nhar il-Ħamis.
Von der Leyen, li irrifjutat li tieħu mistoqsijiet mingħand il-ġurnalisti, ma tatx dettalji ta’ minn fejn kienu se jinġabru dawn il-flus u jekk il-kważi €90 biljun li ma intużawx mill-fond ta’ rikupru wara l-Covid hux se jkunu parti minnhom.
Is-summit tal-Ħamis se jkun qed jirriskja diviżjonijiet fost l-istati membri dwar il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-Ukrajna hekk kif kemm l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja heddew li jopponu kwalunkwe sejħa għal żieda fl-assistenza militari.