Illum, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen mistennija tippreżenta pjan ta’ għajnuna li jammonta għal madwar triljun ewro wara li tgħaddi l-pandemija.
Hekk kif jidher li l-Ewropa qed toħroġ mill-kriżi t’emerġenza ta’ saħħa pubblika, von der Leyen se tipproponi li dawk l-aktar stati membri li jinsabu f’riċessjoni jiġu mgħejjuna.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea għad trid tipprova tikseb l-appoġġ għal dan il-pjan u fil-mezzi tax-xandir internazzjonali diġà qed jiġi rappurtat li hemm pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea li huma xettiċi għal pjan ta’ von der Leyen.
Il-pjan ta’ von der Leyen għandu l-appoġġ tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel li flimkien mal-President Franċiż Emmanuel Macron qed jimbuttaw il-pjan ta’ von der Leyen.
Madankollu l-pajjiżi tat-tramuntana tal-Ewropa fosthom dawk Skandinavi ma jridux li l-istati membri jagħtu iżjed flus lill-Unjoni Ewropea biex imorru għal dawk il-pajjiżi li ilhom sejrin il-baħar anki qabel faqqgħet il-Coronavirus.
L-Italja u Spanja kienu l-aktar żewġ pajjiżi Ewropej affettwati mill-Coronavirus.
Dawn iż-żewġ pajjiżi huma mifnija bid-dejn.
Il-pjan t’għajnuna ta’ von der Leyen qed jiġi mlaqqam bħala l-Marshall Aid, referenza storika għal pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li fasslet l-Amerka wara t-tieni gwerra dinjija.
Sadanittant il-Kummissjoni Ewropea kisbet l-appoġġ ta’ Franza u l-Ġermanja biex tiġi ġenerata s-somma ta’ ħames mitt biljun ewro fis-swieq finanzjarji ħalli tiġi stimulata l-ekonomija Ewropea.
Fl-Ewropa mietu aktar minn mija u sebgħin elf ruħ riżultat tal-COVID-19.