F’Jum l-Ewropa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, żaret l-Ukrajna, li bħalissa tinsab fi gwerra mal-forzi invażuri Russi.
F’din iż-żjara, von der Leyen iltaqgħet mal-President Ukren, Volodymr Zelensky.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Ukrajna qed tiġġieled għall-valuri Ewropej, li qed jiġu ċċelebrati f’din il-ġurnata.
Dan filwaqt li l-President Ukren uża din l-okkażjoni sabiex jinsisti dwar il-prijorità ta’ pajjiżu: dik li l-Ukrajna ssir Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
L-applikazzjoni sabiex l-Ukrajna ssir għadha fi stadju bikri.
Apparti minn hekk, il-Gvern Ukren għadu jrid iwettaq seba’ riformi sabiex il-pajjiż ikun konformi mal-liġijiet Ewropej. Fost ir-riformi li jridu jsiru hemm dawk sabiex tkun miġġielda l-korruzzjoni u anki dawk favur protezzjoni tal-minoranzi fil-pajjiż.
Ursula von der Leyen qalet li se titkellem dwar dan fil-laqgħa mal-mexxejja Ewropej, f’Ġunju li ġej, u wara jsir rapport dettaljat fil-Ħarifa.
Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret ukoll aktar dettalji dwar rawnd ieħor ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, fosthom biex ikunu affettwati wkoll dawk il-pajjiżi li jgħinu lir-Russja.