Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, se tkun f’pajjiżna għat-tieni darba din is-sena, flimkien mal-mexxejja li se jkunu qed jattendu s-summit tal-MED 9.
Ħabbar dan il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, Lorenzo Vella, f’intervista mal-KullĦadd.
Von der Leyen se tingħaqad mad-disa’ mexxejja tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea, fost oħrajn, fejn se jiġu diskussi temi marbutin mar-reġjun tal-Mediterran.
Dan is-summit isir kull sena u jilqa’ fih il-pajjiżi li jifformaw il-grupp ta’ Malta, l-Italja, Franza, Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, il-Kroazja u s-Slovenja.
F’din il-laqgħa għolja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Von der Leyen u l-mexxejja rispettivi se jkunu milqugħin mill-Prim Ministru Malti. F’Diċembru li għadda, fl-aħħar summit tal-MED9 f’Alicante, Spanja, Robert Abela kien ħabbar li l-mexxejja tad-disa’ pajjiżi kien imisshom jiltaqgħu f’pajjiżna.
Qal, “Il-MED 9 hu format importanti ħafna, għax minbarra li se jkun hemm il-kapijiet tal-istat u l-Gvern ta’ disa’ pajjiżi tal-Mediterran, ħa jkun hemm rappreżentanza min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea permezz tal-President Von der Leyen.”
Bit-tħejjijiet għaddejjin ġmielhom, Lorenzo Vella fakkar li din mhux se tkun l-ewwel żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna.
Hija ġiet fis-16 ta’ Settembru ta’ sentejn ilu, meta l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza minn fondi Ewropej għal Malta.
Lorenzo Vella qal ukoll li, f’Lulju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea approvat il-pjan rivedut tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għal Malta.
Qal, “Żied il-perċentwali ta’ azzjonijiet iddedikati lejn l-ambjent, il-klima, fost oħrajn għal 60%, li tajjeb li ngħidu li dakinhar li ġiet il-President Von der Leyen hawnhekk, tħabbar il-pjan REPowerEU.”
Ma’ Vella tkellimna wkoll dwar xi rwol għandha r-Rappreżentanza tal- Kummissjoni Ewropea f’Malta. Huwa qal li l-għan ta’ dan l-uffiċċju hu li jikkomunika man-nies, fejn iwassal il-messaġġ tal-Kummissjoni Ewropea liċ-ċittadini u lill-imsieħba.
Intqal li issa għaddejja kampanja bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
Qal, “X’għamlet l-Unjoni Ewropea għalik? Issa, x’għamlet il-Kummissjoni nwasluh aħna, x’għamel il-Parlament Ewropew, dak iwasslu l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew u x’għamlu l-istati membri, li huwa kompetu tal-Gvern. Pero, issa fl-aħħar ġirja għall-elezzjonijiet Ewropej, billi ningħaqdu flimkien inwaslu l-messaġġ b’mod komuni se nżidu l-interess fl-elezzjonijiet biex kulħadd jivvota għal raġuni partikolari.”