Qed naffaċċjaw tentattiv sfaċċat mir-Russja biex jinkitbu mill-ġdid ir-regoli tas-sistema internazzjonali tal-Unjoni Ewropea.
Għamlet din l-istqarrija dalgħodu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt l-indirizz tagħha fil-konferenza annwali dwar is-sigurtà li ssir fi Munich.
Fil-fatt, hija tenniet li dak li qed jiġri fl-Ukrajna, li dan l-aħħar fakkret it-30 anniversajru mill-indipendenza tagħha, huwa agħar mill-Gwerra Bierda.
L-istess sentiment saħqu s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda Antonio Guterres fl-indirizz tiegħu fl-istess konferenza lbieraħ.
Von der Leyen qalet li l-konsegwenzi jmorru lil hinn mill-Ukrajna, hekk kif ir-Russja qed timmina r-regoli internazzjonali mhux biss tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Fl-indirizz tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li r-Russja flimkien maċ-Ċina qed ifittxu biex ibiddlu r-regoli internazzjonali.