Maseru, il-15 t’Awwissu 2018 – agara Foundation, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, ingħaqdet fi sħab ma’ rise, intrapriża soċjali Amerikana li qiegħda taħdem fuq programm f’Lesoto, pajjiż li jinsab fil-qiegħ nett tal-kontinent Afrikan, iċċirkondat totalment mill-Afrika t’Isfel.
Agara tinvesti f’relazzjonijiet ġo komunitajiet differenti u tara li ssaħħaħ lill-individwi billi tkebbes fihom il-ħtieġa li jipprogressaw, li jkunu indipendenti u li jikkollaboraw ma’ ħaddieħor. F’Ottubru tal-2017, meta t-team leader t’agara Adrian Cassar kien qiegħed ifittex proġetti ġodda biex jissieħeb fihom, iltaqa’ ma’ Daniela Gusman, imwielda Malta hi stess u li hija wkoll il-fundattriċi ta’ rise – relationships inspiring social enterprise. Min-naħa tagħha kienet ukoll qiegħda tfittex voluntiera biex jieħdu sehem f’programm ta’ taħriġ f’Lesoto bl-isem ta’ in loco li jinvolvi l-bini u t-twaqqif ta’ ċentru tal-kompjuter għall-komunità.
Dan kien proprju kif dan il-grupp ta’ 7 voluntiera Maltin appassjonati, li jaħdmu qatigħ u b’impenn, sabu ruħhom Lesoto matul ix-xahar t’Awwissu, ix-xahar li matulu f’Malta tkun sħana tremenda filwaqt li fl-altitudni għolja tar-Renju tal-Muntanji ta’ Lesoto, ix-xitwa tkun laħqet il-quċċata tagħha. Inċidentalment, Lesoto huwa l-uniku stat indipendenti fid-dinja li jinsab iżjed minn 1,000m ’il fuq mill-baħar, għandu l-ogħla punt baxx fid-dinja – 1,400m kif ukoll l-aktar pub fil-għoli fl-Afrika, 2,873m ‘il fuq mill-baħar!
Matul il-ġimagħtejn li damu Lesoto, il-voluntiera t’agara kienu qegħdin jgħallmu 11 -il youth leader u membri tal-komunità li ser ikunu qiegħdin imexxu iż-żewġ ċentri tal-kompjuter, wieħed fl-istitut God’s Love Centre f’Sekamaneng, belt li tinsab madwar 15 -il kilometru ’l barra mill-kapitali ta’ Lesoto, Maseru u l-ieħor f’Paballong, Ċentru tal-Kura għall-HIV/AIDS. Dan ser jippermetti li l-komunitajiet ta’ dawn il-lokalitajiet rispettivi jkollhom aċċess għall-internet u għal programm sħiħ ta’ taħriġ fil-kompjuter.
“Aħna tassew grati lejn agara għas-sigħat twal kollha li ddedikaw b’impenn kbir biex dan il-programm ikun possibbli. Li kieku ma kinitx għad-donazzjoni ġeneruża tagħhom ta’ 14 -il laptop u għat-taħriġ kollu li taw lill-youth leaders f’Lesoto, li ser ikunu qiegħdin imexxu l-faċilitajiet tal-kompjuter, ma konniex inkunu nistgħu nwaqqfu dawn iċ-ċentri tal-kompjuter. Ħadt ħafna gost ukoll li kellna daqstant Maltin bħali, ġewwa Lesoto!” qalet il-fundattriċi ta’ rise, Daniela Gusman.
Iċ-ċentru Paballong huwa ugwalment grat u għalhekk wera l-apprezzament għall-impenn u l-materjal li taw il-voluntiera. Gerard Mathot, il-fundatur ta’ Paballong qal “Issa, nistgħu verament nibdew niżviluppaw il-computer hub.
“Is-sitt proġett tagħna mill-kampanja PoléPolé (pass pass) tana l-opportunità li naħdmu f’Lesoto u li nerġgħu nagħtu użu lil-laptops użati minn Malta. Matul il-ġimagħtejn tagħna f’din il-komunità, qsamna l-ħiliet bażiċi tal-kompjuters ma’ grupp ta’ trainees mil-lokal. Iddiskutejna wkoll pjan ta’ negozju għal faċilità tal-IT f’żewġ ċentri differenti. Sa mill-ewwel ġurnata, it-tim tagħna rnexxielu jibni rapport tajjeb mal-ħdax-il trainee. Flimkien żorna l-komunità biex ikollna idea aħjar ta’ dak li hemm bżonn. Wara, stajna niddiskutu u ngħinuhom jibnu viżjoni għat-tmexxija taċ-ċentri. Hawnhekk, f’Lesoto, grazzi għal rise, nemmen li sibna l-forma perfetta biex inwaqqfu proġett long-term u sostenibbli” qal it-team leader t’agara, Adrian Cassar.