Voluntier naddaf il-graffitti li saru f’att ta’ vandaliżmu fuq il-Kappella ta’ San Pawl Eremita f’Wied il-Għasel, fil-limiti tal-Mosta, nhar is-Sibt 30 ta’ Diċembru.
ONE News jinsab informat li raġel, li jieħu ħsieb l-istess Kappella, naddaf il-graffitti. Jirriżulta li l-graffitti saru biss fuq parti mbajda bil-ġir, li sar mill-voluntier stess żmien qabel bħala parti minn tisbiħ regolari li jsir lill-maqdes, li jinsab midfun fil-blat.
Dakinhar li ntlemħu l-graffitti, ONE News żvela li b’rabta mal-każ kien sar rapport mal-Pulizija minn persuna li kienet rat ritratt ippubblikat fuq il-midja soċjali, waqt li kien stabbilit li d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Kulturali kien diġà lest biex jibda xogħlijiet ta’ restawr.
Minkejja dan, meta ħaddiema marru fuq il-post huma sabu li l-ħsara kienet ġiet indirizzata. Id-Dipartiment ikkonferma wkoll li ma saret l-ebda ħsara permanenti fuq il-ġebla tas-sit, li jżuruh diversi persuni lokali u barranin matul is-sena avolja mhux faċli tasal għalih.