Terremot ta’ qawwa ta’ 6.8 għamel ħsarat estensivi fi Drachir, pajjiż fittizju li qed jiżviluppa, bi storja ta’ rivalità politika u instabbiltà, kunflitti, infrastruttura li qed tiddeterjora, u tħassib umanitarju.
Diversi rħula jinsabu meqruda, f’diversi postijiet hemm toroq blukkati bil-valangi tat-tajn, u l-belt ewlenija qiegħda f’riskju ta’ għargħar mix-xmara fil-qrib. Żoni magħluqa mill-pulizija, komunikazzjoni ristretta, kumplikazzjonijiet loġistiċi, immaniġġjar tar-refuġjati, gruppi etniċi vjolenti li ġew imċaqilqa minn posthom, theddid ta’ sigurtà kontinwi, qbid ta’ nies, ksur ta’ drittijiet umanitarji, ħinijiet fejn in-nies ma jistgħux joħorġu u żoni militari komplew jagħmlu s-sitwazzjoni agħar.
Dan kien ix-xenarju li kien ippreżentat f’SimEx2016, eżerċizzju ta’ reazzjoni f’emerġenza fuq skala medja, b’emfasi fuq Urban Search and Rescue, assessjar ta’ bżonnijiet umanitarji u reazzjonijiet fl-ewwel fażijiet ta’ emerġenza organizzat mill-Università ta’ Portsmouth fl-Ingilterra f’Mejju tal-2016, b’parteċipazzjoni ta’ ‘l fuq minn 400 ruħ.
L-istudenti tal-MSc fi Crisis and Disaster Management ħadu r-rwol tat-tim tal-United Nations Disaster Assessment and Coordination (UNDAC), u organizzaw l-isforzi ta’ assistenza għall-pajjiż milqut. Fil-proċess ta’ mmaniġġjar tad-diżastru, kienet meħtieġa kollaborazzjoni bejn il-gvern tal-pajjiż flimkien ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li offrew għajnuna, servizzi tat-tifi tan-nar u salvataġġ, speċjalisti, u dipartimenti tal-gvern. Minn Malta pparteċipa l-EFRU: Emergency Fire and Rescue Unit.
Tul it-tlett ijiem ta’ simulazzjoni, it-tim tal-EFRU assistew billi ipparteċipaw fit-trasport tar-refuġjati mill-pajjiż milqut, għenu f’surveys tal-kosta, assistew ‘il Hampshire Fire and Rescue u Serve On ERT, u pprovdew assistenza immedjata f’kamp tar-refuġjati.
L-eżerċizzju pprovda esperjenza imprezzabbli lill-voluntiera, b’mod partikolari fit-titjib tal-ħiliet tekniċi u koordinazzjoni bejn organizzazzjonijiet differenti, meħtieġa fir-rispons għal diżastri simili. Dan għax offra pjattaforma realistika ta’ setturi differenti għal diversi timijiet biex jikkollaboraw filwaqt li jħaddmu l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom.