Studenti fi skejjel sekondarji qed iwettqu xogħol volontarju mal-anzjani sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti mistennija minnhom fil-proġett tas-Systems of Knowledge.
Qal dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva f’Wied il-Għajn, fejn grupp ta’ anzjani qed jipparteċipaw f’dan il-programm ta’ taħriġ.
Hemm ġie spjegat kif permezz ta’ dan il-volontarjat, l-anzjani qed jiġu mgħejjuna jkabbru l-għarfien tagħhom fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika, jużaw il-midja soċjali, jaċċessaw aħbarijiet u attivitajiet kurrenti, u jikkuntattjaw lill-qraba u l-ħbieb.
B’hekk jintlaħaq għan nobbli mill-istudenti filwaqt li fl-istess ħin qed jiġu akkredidati bħala parti mill-istudji tagħhom.
Il-Ministru Michael Farrugia zied jgħid li proġetti interġenerazzjonali għandhom diversi benefiċċji, kemm għall-ġenerazzjonijiet iżgħar fl-età kif ukoll għall-anzjani.
“Ikun hemm opportunità biex fl-istess ħin anzjani jistgħu jitkellmu fuq l-esperjenza tal-ħajja ma’ dawn l-istudenti b’mod li jifhmu u jgħinu lil xulxin, iż-żgħażagħ u l-istudenti li jifhmu l-ħajja tal-anzjani li għexu fil-passat, l-anzjani li jitgħallmu t-teknoloġija tal-informatika mill-istudenti li jattendu dawn iċ-ċentri.”