Il-kampjonat Super League organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball tkompla l-Ħadd fil-kumpless Sportiv tal-Kottonera. Hawnhekk it-team f’ras il-klassifika, Falcons, taħt il-gwida ta’ Jacques Seifert rebaħ lit-team neo promoss ta’ Mgarr bl-iskor ta’ 3-0. Għalkemm Falcons ħarġu rebbieħa, din il-partita żgur ma kenitx passiġġata għalihom. Dan meta kellhom jitbaħbtu mhux ftit biex jirbħu t-tliet sets kontra t-team immexxii minn Marvic Micallef u Tony Sammut bl-iskor ta’ 25-21, 25-20 u 25-23. B’dan ir-riżultat, Falcons baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika bi tmintax -il punt, segwiti miċ-champions Swieqi Phoenix Nium bi tnax -il punt, Birkirkara għandhom ħames punti, Flyers tliet punti u Mgarr jinsabu fl-aħħar post b’punt wieħed biss.
Fl-uniku logħba mill-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni it-team żgħażugħ ta’ Depiro mmexxi minn Charles Gauci rebaħ lil Birkirkara Reds 3-0. Depiro ddominaw il-konfront u rebħu t-tliet sets 25-14, 25-20 u 25-9. F’dan il-kampjonat il-leaders Paola Executive Security għandhom tmintax -il punt, għaxra aktar minn Birkirkara. Depiro telgħu t-tielet b’seba’ punti.
Ir-riżultati kollha
L-ewwel Diviżjoni
Depiro vs BKVC Reds 3-0
Under 15
Flyers vs Birkirkara 3-1
BKVC vs Falcons 3-0
Super League
Mgarr vs Falcons 0-3