Ir-Renju Unit illum mistenni jesperjenza temperatura rekord li tlaħħaq it-42°C, dan wara li lbieraħ it-temperatura qabżet it-38°C, u li hija t-tielet l-ogħla temperatura li qatt ġiet irrekordjata fir-Renju Unit.
Fil-fatt, l-uffiċċju Meter-jo-loġiku Brittaniku ħareġ twissija dwar it-temperaturi għoljin.
Is-servizz tal-ferrovija se jkun affetwat ukoll mill-mewġa ta’ sħana. Inħarġet twissija għan-nies f’Londra biex kemm jista’ jkun jevitaw milli jivvjaġġaw, fil-fatt, uħud mill-istazzjonijiet tal-ferrovija mhux se joperaw kawża tas-sħana.
Qed jiġi rrapportat li minn tal-inqas erba’ persuni tilfu ħajjithom wara li għerqu meta pprovaw jiffriskaw lilhom innfushom fi xmajjar.
Is-sħana qed tikkawża wkoll pressjoni fuq l-isptarijiet u s-servizzi tal-ambulanza, fil-fatt, waqt laqgħa li ssejħet b’urġenza, il-Gvern Brittaniku qal li se jkun qed jgħaddi fondi addizzjonali lis-settur tas-saħħa sabiex jiżdiedu r-riżorsi kemm tal-ambulanza u anke tal-emerġenza.