Fi Pjazza ta’ Karl Stagno Navarra nkixxfet ħadma oħra tal-media tal-Partit Nazzjonalista, u ċertament ħadma tal-Partit Nazzjonalista.
Il-video ta’ dawk li suppost huma ħaddiema tal-Bank Ċentrali jkantaw ‘Viva l-Labour!’ ma kienu xejn għajr l-aġenti tal-Partit Laburista jifirħu wara t-tħabbira tar-rizultat elettorali tal-2017 u dawk li dehru jiżfnu ma kienu xejn għajr żgħażagħ jifirħu f’diskoteka fi Spanja.
Bħas-soltu wara xi ħaġa hekk kien hemm il-Psewdo-ġurnalist Joe Mikallef.
Iżda dan il-filmat m’għandux jittieħed b’mod leġġer.
L-ewwelnett, il-filmat huwa tal-Bank Ċentrali, istituzzjoni rispettata u li stejjer bla sens, u filmati mgħababsa bħal dawn jistgħu jħallu riperkussjonijiet fuq sfera Internazzjonali, m’għandiex dubbju li l-iskop ikun dak, biex tkompli l-ħsara barra.
Għall-barranin li jaraw filmat hekk, mhux se joqgħodu jgħidu li dan filmat mitiefes jew le. Dik hija l-malizzja.
Iżda mhux biss. Żgur li l-iskop aħħari huwa dak li l-Partit Nazzjonalista jipprova jiġbor il-bażi tiegħu ta’ partitarji li bħalissa huma mħawwda għax qed jaraw lill-Partit tagħhom imfarrak u maqsum, u dawk qrib Delia, riedu li b’xi mod iqqanqluhom. X’inhu l-aħjar mod li tqanqalhom jekk mhux li jaraw filmati tar-rivali politiċi?
Għalkemm li zgur qas hemm paragun, din il-ħadma fakkritni f’ħadma oħra, li wkoll kellu l-mano in pasta min illum qed imexxi l-media tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli u li allura jiġi fuq Joe Mikallef, fil-ġerarkija.
Pierre Portelli kien parti mill-ħadma Egrant, l-ikbar gidba fl-istorja politika Maltija fil-konfront tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu. Ejja ma ninsewx.
F’Egrant kien ħareġ ċar li kien hemm dokumenti ffabrikati, firem li ma jeżistux u Portelli kien mar jiġri jintervista lil dik li dawk li ma jistħux sejjħulha ‘whistleblower’.
Dakinhar l-iskop kien li Busuttil isir Prim Ministru.
Meta jkun dahru mal-ħajt, meta jkun irid jasal għal xi ħaġa oħra, tal-Partit Nazzjonalista, jqarrqu, jimanipulaw u jbgħabsu l-verità.
Kumbinazzjoni li wara t-tnejn hemm l-isem ta’ Portelli?
Dan huwa l-vizzju misħut tal-Partit Nazzjonalista, li ma tgħallmu xejn minnu.