F’diskors fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, għamel riflessjoni fuq il-progress kbir li Malta għamlet matul l-aħħar 50 sena mill-Indipendenza u r-Repubblika, waqt li esprima l-impenn tal-Gvern għall-istrateġija sal-2050 biex jibni futur sostenibbli għall-pajjiż.
Fl-intervent tiegħu, Bedingfield enfasizza li l-futur ta’ Malta se jibqa’ jiddependi fuq politika mmirata lejn il-ġid u l-kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Hu fakkar fl-isfidi kbar li Malta għaddiet minnhom fiż-żminijiet li għaddew, iżda qal li l-futur jiffoka fuq trasformazzjonijiet ekonomici u soċjali importanti.
Spjega kif l-istrateġija ‘Viżjoni Malta 2050’, li l-Gvern ħabbar riċentament, hi proġett ambizzjuż li jrid jara lil Malta tkun ekonomija sostenibbli, b’diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi u focus fuq l-innovazzjoni diġitali.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizza l-ħtieġa li Malta tibqa’ toffri opportunitajiet għal kulħadd, iżda partikolarment għal dawk li jinsabu fil-bżonn u l-aktar vulnerabbli. Hu għamel enfasi qawwija fuq il-ħtieġa li l-Gvern jindirizza l-inugwaljanzi soċjali, speċjalment għal dawk li huma vulnerabbli fil-komunità.
“Meta niġu biex nimplimentaw l-istrateġija għal li jmiss jeħtieġ li flimkien inkunu aktar kreattivi, aktar innovattivi fil-mod kif immexxu pajjiżna. Għalhekk hi x-xewqa tiegħi li l-istrateġija 2050 ma tkunx biss strateġija tal-Gvern, imma stratġeija ta’ poplu. Tkun strateġija ta’ poplu sħiħ. U f’dan l-anniversarju tal-ħamsin sena minn Jum ir-Reppublika rridu nagħtu ġieħ lil min ġie qabilna u tana l-opportunitajiet.”