It-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna u ġensu qed jiġi definit bl-aktar mod wiesa’ permezz tal-Viżjoni Malta 2050, b’90 mira f’diversi oqsma li jiġbru iżjed minn 1,800 miżura b’kollox, bil-maġġoranza tagħhom li jridu jintlaħqu sa għaxar snin oħra, jiġifieri fl-2035.
L-għan ta’ din il-viżjoni fit-tul, li fl-aħħar xhur kienet diskussa wkoll mal-imsieħba soċjali, l-Oppożizzjoni, mijiet ta’ negozji, aġenziji governattivi u anke rappreżentanti ta’ faxex tas-soċjetà, hu li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd, issaħħaħ il-qafas ekonomiku u dak soċjali, waqt li tassigura li l-ġenerazzjonijiet futuri jirtu pajjiż aktar reżiljenti, dinamiku u mimli bl-opportunitajiet.
Minkejja r-riżultati sinifikanti tal-aħħar snin, il-Gvern Malti qed jimmira li, b’din il-viżjoni li issa tnediet għall-konsultazzjoni pubblika, pajjiżna jkun aktar imħejji għal tendenzi globali, bħat-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni teknoloġika u l-evoluzzjoni demografika nazzjonali.
Il-Viżjoni Malta 2050, li ġiet fdata f’idejn il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, se tara wkoll it-twaqqif ta’ tim maniġerjali, taħt it-tmexxija tal-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia. Dan it-tim se jikkordina b’mod ħolistiku lill-ministeri kollha fit-twettiq ta’ tali miżuri.
Appena l-viżjoni tibda tiġi attwata, wara li jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u jitlesta r-rapport finali, iċ-ċittadin nnifsu se jkun jista’ saħansitra jiskrutinizza l-progress fuq kull mira permezz ta’ KPI dashboard, li toffri iżjed trasparenza u kontabilità.
Il-viżjoni se tkun ibbażata fuq erba’ pilastri li ġew identifikati. Dawn huma tkabbir ekonomiku sostenibbli, servizzi aċċessibbli bbażati fuq iċ-ċittadini, pajjiż reżiljenti b’sistema edukattiva moderna u użu għaqli tal-art u l-baħar tagħna.
Dan kollu se jkun possibbli grazzi għal politika avvanzata li tiġi addattata għall-miri nazzjonali, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji favur tkabbir sostenibbli u l-innovazzjoni, l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati li jsaħħu l-effiċjenza fis-setturi kollha u l-ħolqien ta’ brand ħolistika u li tappella għal Malta.
Fejn tidħol il-mira għal kwalità sana tal-ħajja għal kulħadd, li hi wkoll ċentrali fil-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern qed jara li juża kejl aktar ġust u realistiku bbażat fuq il-kalkoli tal-Ġnus Magħquda għall-iżvilupp uman u l-mekkaniżmu tad-dħul medjan u tal-esperjenza tal-ħajja użati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
B’hekk, fejn tidħol din il-viżjoni, il-Gvern qed jinfatam mill-kejl tal-ġid nazzjonali, dak tal-Prodott Gross Domestiku jew il-PGD, li ntuża sal-lum il-ġurnata. Anke għax tali kejl mhux bilfors kien jirrifletti dejjem it-titjib tas-soċjetà kollha, kif inhu mixtieq.
Fil-każ tal-iżvilupp uman, il-Gvern qed jiffissa li jwassal lill-poplu Malti u Għawdxi fil-lista tal-Ġnus Magħquda mal-aqwa 20 sal-2035 u mal-aqwa 10 sal-2050. Sal-2023, konna fil-pożizzjoni numru 25.
Fejn jidħol id-dħul medjan ta’ dak li jibqa’ fil-bwiet taċ-ċittadini, li hu differenti mill-medja nazzjonali, għax jikkalkula eżatt il-punt fejn nofs il-popolazzjoni taqla’ iżjed u n-nofs l-ieħor jaqla’ inqas, qed ikun antiċipat li dan jilħaq il-15% iżjed mil-livell medjan Ewropew sa għaxar snin oħra. Sal-2050 dan għandu jkun 35% ogħla minn hekk ukoll.
Attwalment id-dħul medjan tal-poplu tagħna jinsab eżatt taħt il-livell tas-27 pajjiż Ewropew meħudin f’daqqa.
Fil-każ tal-kejl inġenerali tal-esperjenza tal-ħajja, li skont il-Eurostat fl-2023 konna fit-12-il post fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern qed jimmira li nkunu mal-aqwa għaxra sal-2035 u mal-aqwa ħamsa sa 25 sena oħra.
Ir-rapport voluminuż tal-Viżjoni Malta 2050 jara li, b’mod partikolari, jissaħħu l-oqsma tat-turiżmu u l-gaming b’iżjed tkabbir sostenibbli, jiġi aċċelerat l-iżvilupp f’setturi b’potenzjal kbir, bħat-tbaħħir u l-marittimu, l-avjazzjoni u s-servizzi finanzjarji, waqt li tiġi trasformata l-industrija tal-manifattura b’iżjed enfażi fuq il-produzzjoni ta’ semiconductors u l-farmaċewtiċi.
Ma’ dan, il-pajjiż qed jimmira lejn operat eċċezzjonali fil-kostruzzjoni, mill-fażijiet tal-ippjanar sat-twettiq, anke hawn b’impenn sħiħ fuq il-kwalità u mhux il-kwantità.
L-inizjattivi jvarjaw mill-ħolqien ta’ pjattaforma bbażata fuq l-Intelliġenza Artifiċjali li tidentifika riskji tas-saħħa biex ittejjeb id-deċiżjonijiet fil-kura u servizzi ta’ telemedicine sa l-esplorazzjoni ta’ aktar reklamazzjoni tal-art mill-baħar, li tindirizza l-ispazju limitat u l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna.
Minbarra hekk, jissemmew faċilitajiet tal-ogħla livell fil-qasam turistiku, l-inċentivar lill-kumpaniji biex jaħdmu biss bl-enerġija rinnovabbli, proċess inqas burokratiku għar-reġistru marittimu, it-tisħiħ fil-leasing tal-ajruplani, żieda fil-kumpaniji li jipproduċu mediċini ġeneriċi, użu akbar tad-drones fit-tqassim loġistiku kummerċjali, sa sistemi ħodor ta’ trasport tal-massa, fost l-oħrajn.
Dan kollu għandu l-għan li, minbarra titjib u sostenibilità inġenerali, ukoll isaħħaħ it-tkabbir f’dawk magħrufin bħala l-Blue u l-Green Economies, li flimkien jgħoddu għal iżjed minn terz tal-inizjattivi li ġew identifikati.
Il-konsultazzjoni pubblika, li tnediet it-Tlieta, se tibqa’ għaddejja għall-ħames xhur li ġejjin sad-9 ta’ Settembru biex kull min irid jagħti sehemu favur l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż ikun jista’ jagħmel dan b’mod ħieles.