Jien ma nemminx li l-elezzjonijiet qegħdin hemm biex ngħidu xi ħaġa qabel u ninsewha l-għada. Jien qiegħed hawn illum noffri viżjoni għall-pajjiż li tant inħobb. Quddiem moviment li lili tani ħafna.
Sostna dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jagħlaq il-Konferenza Ġenerali Annwali 2019 u jagħti bidu għall-kampanja elettorali tal-Partit Laburista li twassal sal-25 ta’ Mejju.
Il-Prim Ministru qal li l-elezzjonijiet jiġu u jmorru. Il-politiċi jiġu u jmorru. Imma jekk il-politiċi joffru pjan u viżjoni fit-tul, mhux kliem fl-ajru u wegħdi fiergħa. Jew agħar minn hekk negattivita’ li ma twassal għal imkien.
Allura l-poplu jkun jista’ jagħmel għażla, qal Dr Muscat, l-għażla fuq il-bażi ta’ kompetenza ta’ min jiġi quddiemkom bir-riżultati. Min hu l-iktar kompetenti, Joseph jew Delia?
Għażla fuq il-viżjoni għall-pajjiż. Min għandu viżjoni għal uliedna, Joseph jew Delia?
Għażla fuq l-esperjenza ta’ min taf fejn int miegħu. Ma’ min tafu fejn qegħdin, ma’ Joseph jew Delia?
Min temmen jista’ joffri s-soluzzjonijiet li l-pajjiż għandu bżonn? Joseph jew Adrian Delia?
“U Joseph mhux se jieqaf zopptu,” stqarr il-Prim Ministru.
Il-Mexxej Laburista stqarr li dawn huma l-għażliet li għandu quddiemu l-poplu minn hawn u erba’ ġimgħat oħra. Moviment li jħobb lil dan il-poplu. Moviment li m’huwiex superv. Moviment li jagħraf in-nuqqasijiet tiegħu. Iżda wkoll moviment li għandu viżjoni għal dan il-pajjiż. Moviment li qed iħejji infrastruttura għall-futur. Moviment li qed iħares lejn pajjiż innovattiv, qabel mhux wara l-avvanzi internazzjonali. Iżda wkoll moviment li inklussiv. Li jieħu ħsieb lil min jaqa’ lura. Moviment li jħobb u jagħder. Li jipparteċipa fil-komunita.
Għax dan il-pajjiż tana wisq biex nagħtuh lura bis-sieq. Għax lil dan il-poplu Malti u Għawdxi nħobbuh. Għax dan il-pajjiż iħobb lill-uliedu. U għax aħna nħobbu lill-pajjiż nistgħu ngħidu:
Li l-ħaddiema huma f’qalbna
Il-familji huma f’qalbna
Uliedna huma f’qalbna
L-anzjani huma f’qalbna
L-edukaturi huma f’qalbna
Il-persuni b’diżabilta’ huma f’qalbna
It-tfajiliet u ġuvintur huma f’qalbna
Il-kommunitajiet kollha huma f’qalbna.
U li fuq kollox…
Malta hija f’Qalbna, temm jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat.