Il-Gvern hu ffukat fuq l-għaxar snin li ġejjin, b’viżjoni ta’ fejn irid imur pajjiżna.
Dan hekk kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’għeluq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
“Kburin b’dak li wettaqna. Kburin ħafna. Għax dak huwa l-Partit Laburista li jħobb lil Malta tagħna. Iva, f’għaxar snin ksibna ħafna u ħafna. Iġġeddidna wkoll. U jien issa iffukat fuq l-għaxar snin li ġejjin. Għandna viżjoni ċara ħafna ta’ fejn irridu nieħdu lill-pajjiżna. Viżjoni kkumplimentata b’azzjonijiet. Waħda wara l-oħra. Għax il-prova hija f’dak li twettaq, daqskemm f’dak li tgħid.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Quddiem folla sabiħa f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Prim Ministru semma li l-Gvern affaċċja bosta sfidi, iżda dawn inbidlu f’opportunitajiet. Hu tenna li l-Partit Laburista se jibqa’ ffukat kif se jtejjeb dan il-pajjiż.
“Dan il-moviment għandu l-entużjażmu, l-esperjenza, l-enerġija u l-ideat biex iwassal lil dan il-pajjiż fil-livell li jmiss. Għalhekk insaħħu Malta tagħna.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li fi tmintax-il xahar f’dan l-ewwel mandatt, il-Gvern immexxi minnu wettaq 40% tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien.’
“F’sena u nofs għamilna b’sentejn u nofs xogħol. U huwa għalhekk li nista’ nitkellem fuq l-għaxar snin li ġejjin b’wiċċi minn quddiem. Ejjew ħalli flimkien, kollha kemm ahna, inkunu ponn wieħed biex inwettqu dan il-pjan għal Malta tagħna. Għax dak li ppjanajna għal din il-leġiżlatura huwa biss il-bażi tal-viżjoni tagħna għall-futur.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Dr Abela tkellem dwar bosta proġetti li twettqu minn Gvern Laburista, fosthom il-ftuħ ta’ tliet skejjel ġodda din is-sena u hawnhekk tenna li s-sena d-dieħla, se jinfetħu aktar minn skola waħda.
Robert Abela tkellem ukoll dwar il-proġetti ta’ spazji miftuħa fosthom bħal dawk f’Bengħajsa u l-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, investimenti sportivi f’Bormla u ieħor f’Għawdex li se jinfetaħ is-sena d-dieħla u anki investimenti infrastrutturali kbar, fosthom dawk ta’ ħdejn l-ajruport u fl-Imrieħel.
Dr Abela tkellem ukoll kif dan se jkompli jitwettaq waqt il-baġit li se jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin.
“Pjan ekonomiku qawwi li se jkompli joħloq il-ġid. Fl-istess ħin li nieħdu ħsieb li nżommu fis-sod il-finanzi tal-pajjiż. Għax anke hawn, irridu naħdmu għal-lum, imma nieħdu ħsieb x’se nħallu lil uliedna għal għada. Irridu investiment immirat lejn dawk is-setturi li pajjiżna jaqbillu jibqa’ jarahom jikbru. Għajnuna direzzjonata, biex inkomplu ntejjbu l-ħajja tan-nies.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru tenna li l-viżjoni għal dawn l-għaxar snin li ġejjin se ttejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Għaxar snin li se jkunu qed iħallu impatt fuq kull wieħed u waħda minnha. Ninsabu verament f’mument li se jiddefinixxi t-tmexxija tal-Partit Laburista fil-Gvern fix-xhur u s-snin li ġejjin. Tħallux lil min jaqtalkom qalbkom. Malta sabiħa. Il-Maltin u Ghawdxin jistgħu jiksbu iktar. We can and we will get the future right!”
Il-Prim Ministru, Robert Abela