Se nkun qed naħdem għal Malta u għal Għawdex, imma l-fatt li Għawdxija fil-Parlament Ewropew ifisser li għall-ewwel darba hemm persuna li direttament jaf l-isfidi u l-ostakli li l-Għawdxin jħabbtu wiċċhom magħhom ta’ kuljum.
Qalet dan l-ewroparlamentari Josianne Cutajar f’intervista ma’ ONE News mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Dr Cutajar qalet li fost l-oħrajn tixtieq li ttella’ fuq l-aġenda Ewropea l-kwistjoni tal-insularità doppja li Għawdex huwa espost għalih, filwaqt li tingħata importanza li l-politika one size fits all taf ma tkunx dejjem ta’ benefiċċju għal gżira Għawdxija.
“Inħares ‘il quddiem biex l-insularità doppja li jaffaċċja Għawdex din inqajmuha fl-aġenda tal-UE, naraw u nenfisazzaw il-punt li l-one size fits all ma japplikax dejjem fil-gżira Għawdxija,” stqarret l-Ewroparlamentari Cutajar.
Minbarra li hija l-ewwel ewroparlamentari minn Għawdex, Dr Cutajar hija wkoll l-iżgħar persuna li qatt ġiet eletta minn pajjiżna biex isservi fil-Parlament Ewropew.
Saħqet li l-ewwel darba li rifset ġewwa l-plenarja fi Strasburgu, hija ħasset emozzjoni pożittiva grazzi għall-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin.
“Dak il-mument issa wasal u m’għadekx iżjed taspira imma qiegħda fil-post li kont qed taħdem għalih u issa l-ħidma bdiet,” qalet Cutajar.
Ħidma, li bdiet anke fil-kumitati parlamentari, hekk kif hija membru fil-kumitat għall-iżvilupp reġjonali, il-kumitat tat-trasport u t-turiżmu kif ukoll il-kumitat għall-industrija, riċerka u enerġija.
Dan il-kumitat jinkludi setturi emerġenti li pajjiżna qed jinvesti fihom.
Dr Cutajar saħqet: “Għandek oqsma ta’ interess għal pajjiżna li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan il-kumitat partikolarment is-setturi ġodda tal-blockchain u l-AI li anke pajjiżna qed jieħu passi fih f’dan ir-rigward u għaldaqstant huwa kumitat importanti għal dawk l-industriji, dawk l-SME’s tagħna.”
Dr Cutajar fissret ukoll il-mira li torbot il-ħidma tagħha f’dawn il-kumitati ma’ aspetti soċjali.
Spejgat kif fil-kumitat għat-trasport, se taħdem biex tiżdied l-aċċessibilità f’meżżi ta’ trasport għal dawk li għandhom xi tip ta’ diżabilità.
“Meta nitkellmu fuq trasport, għandek ukoll li t-trasport nagħmluh iktar aċċessibli għal persuni b’diżabilità jew li għandhom problema ta’ mobilità,” fissret Cutajar.
Flimkien ma’ dan, Dr Cutajar ressqet talba lill-President eletta tal-Kumissjoni Ewropea Ursula von der Leyen sabiex tikkunsidra li toħloq portafoll responsabbli mid-drittijiet tat-tfal.